Friday, November 29, 2024

“Jistgħu jagħmlu elf dibattitu ieħor dwar Malta… aħna se nibqgħu niddefendu lil pajjiżna” 

L-Ewroparlamentari Laburista Daniel Attard

Aqra wkoll

L-Ewroparlamentari Laburista Daniel Attard iddeskriva d-dibattitu ta’ nhar l-Erbgħa li għadda fil-Parlament Ewropew bħala “attentat ieħor” mid-Deputati Nazzjonalisti biex jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta. 

Dr Attard qal lil talk.mt li d-dikjarazzjonijiet li saru kienu assurdi fejn saħansitra qalu li l-Gvern Laburista jrid jixħet lill-ġurnalisti l-ħabs. “Ippruvaw kemm felħu jpinġu lil din Malta tagħna bħala xi pajjiż f’xifer l-infern fejn bħal donnha għamlu kompetizzjoni bejniethom min se jħammeġ l-iżjed lil pajjiżna,” qal l-Ewroparlamentari Laburista.

Sostna li ftit li xejn jimpurtahom mid-dannu li qed jagħmlu lil Malta, “l-importanti li jagħmlu l-ħsara lill-Gvern Laburista. Bħal donnu li aħna m’aħniex pajjiż wieħed u l-ħsara taffettwa biss faxxa waħda tas-soċjetà. Hekk iġib ruħu min iġib il-poter qabel l-aħjar interessi tal-pajjiż.”

Min-naħa l-oħra, Dr Attard qal li jippruvaw kemm jippruvaw jagħmlu ħsara lil pajjiżna, se jibqgħu jsibu lill-MEPs Laburisti biex jiddefendu lil Malta. “Dan nagħmluh mhux għax naħsbu li aħna ċ-ċentru tad-dinja imma għax nemmnu f’Malta tagħna. Aħna qatt m’aħna se naslu li nkasbru lil pajjiżna b’dan il-mod fil-Parlament Ewropew u dejjem se nibqgħu hemm niddefendu l-verità.

“Ħa nkun ċar. Il-mod brutali li bih inqatlet Daphne Caruana Galizia, u oħrajn bħal Jan Kuciak u de Vries huwa kundannabbli f’kull sens. M’hemm l-ebda skuża għal dak li ġara. Iżda l-Erbgħa li għadda fil-Parlament Ewropew kien hemm dak li jien sejjaħtlu bħala sempliċiment eżerċizzju politiku biex jitfa’ dell ikrah fuq pajjiżi. 

“Fil-Parlament Ewropew fakkart li wara dak l-assassinju, apparti l-arresti, Malta bidlet is-sistema ġudizzjarja, saħħet l-indipendenza tal-pulizija, u daħħlet riformi li frankament jistgħu jservu t’eżempju għal ħaddieħor. Imma naturalment għal dawk li għandhom storja diġà miktuba, il-fatti ma jfissru xejn,” kompla jgħid Dr Attard. 

Fl-intervent tiegħu, huwa saħaq ukoll li ma jistax jaċċetta dik li sejħilha bħala “l-ipokrezija” ta’ dan il-Parlament. Dan għaliex “filwaqt li ma jitlifx okkażjoni waħda biex tpoġġi lil pajjiżna taħt lenti, jibqa’ sieket fuq il-130 ġurnalist li nqatlu f’Gaża. Dawn mhux vittmi wkoll? Sħaqt ukoll fuq kif dan il-Parlament mar ukoll jagħti vot ta’ fiduċja lil min illum huwa proprju akkużat bi vjolenza kontra l-umanità. Kif il-Parlament Ewropew jista’ jgħid li qed jiddefendi l-istampa ħielsa waqt li jagħlaq għajnejh jekk mhux jiddiskrimina wkoll kontra l-qtil ta’ ġurnalisti oħra fl-Ewropa u lil hinn.”

Huwa għalaq l-intervent tiegħu billi tenna li din mhijiex kwistjoni dwar Malta iżda hija kwistjoni ta’ konsistenza. “Jekk il-Parlament Ewropew irid ikun kredibbli, din il-farsa trid tieqaf,” temm jgħid Dr Attard. 

Sport