Sunday, November 24, 2024

Jistgħu jitressqu akkużi kriminali b’rabta mal-każ fuq is-sett ta’ Rust

Aqra wkoll

Il-pulizija tal-Istati Uniti tal-Amerika qalet li l-possibbiltà li jitressqu akkużi kriminali dwar il-każ li seħħ fuq is-sett tal-film Rust għandha hemm. Il-każ seħħ il-ġimgħa li għaddiet meta l-attur Alec Baldwin, b’mod aċċidentali, qatel lid-direttur tal-fotografija Halyna Hutchins u fera lid-direttur Joel Souza b’tir ta’ arma tan-nar.

L-investigaturi qalu li “projettila taċ-ċomb” ġiet imneħħija mill-ispalla tad-direttur hekk kif dan kien qiegħed jingħata l-kura l-isptar u jidher li din ma kinitx balla fittizja. L-investigaturi qalu wkoll li jidher li “kien hemm ċertu laxkezza” f’dik li hija sigurtà fuq is-sett tal-film. L-Avukat Distrettwali Mary Carmack-Altwies meta kienet qiegħda titkellem mal-midja qalet li, “l-għażliet kollha għadhom jinsabu fuq il-mejda” u li s’issa kollox qiegħed jiġi kkunsidrat. Min-naħa tiegħu x-Xerif ta’ Sante Fe County Adan Mendoza, meta ppreżenta s-sejbiet li saru s’issa, qal li, “aħna qed nissuspettaw li fuq is-sett tal-film kien hemm balal veri.” Mendoza tenna li, “aħna se nkunu qed naraw kif dawn sabu posthom hemm u għaliex, hekk kif dawn il-balal mhux suppost li kienu hemm.” Huwa tenna li l-pulizija s’issa evelaw xejn inqas minn 600 biċċa ta’ evidenza li jinkludu tliet armi tan-nar u 500 balla ta’ munizzjon. Meta mistoqsi dwar il-qtil Mendoza qal li, “jien naħseb il-fatti huma ċari – arma ngħatat lis-Sur Baldwin. Din l-arma kienet funzjonali u sparat balla vera li qatlet lil Hutchins u weġġgħet lil Souza.” Skont ix-xerif, fil-ħin li seħħ l-inċident kien hemm madwar 100 persuna fuq is-sett tal-film filwaqt li kien hemm żewġ persuni li messew il-pistola qabel ingħatat lil Baldwin. Dawn kienu l-armatur Hannah Gutierrez-Reed u l-assistent direttur Dave Halls. L-arma kienet pistola antika Colt .45.

Mid-dokumenti tal-qorti li saru pubbliċi nhar l-Erbgħa li għaddiet joħroġ li Halls qal lill-investigaturi li huwa naqas milli jiċċekkja l-balal kollha li kien hemm fil-pistola qabel taha lill-attur. Skont dawn id-dokumenti hu qal li l-pistola hija “cold gun” qabel għaddieha lil Baldwin, jiġifieri li l-pistola hija sigura. Min-naħa tagħha Gutierrez-Reed qalet lill-investigaturi li l-armi kienu ċċekkjati kollha qabel ġew użati iżda l-munizzjon le. Hija tenniet li l-armi jkunu miżmuma f’safe u ftit nies ikollhom aċċess għalihom. 

Skont l-aġenzija tal-aħ­bari­jiet Reuters, l-attur Alec Baldwin jidher li qabbad aġenzija legali privata biex twettaq l-investigazzjoni dwar x’wassal għal dan il-każ. Għadd ta’ esperti legali qalu li hemm possibbiltà kbira li l-ebda akkuża ma titressaq fil-konfront ta’ Baldwin. 

Sport