Tuesday, December 24, 2024

Jitbierku ż‑żjut li jintużaw fiċ‑ċelebrazzjoni tas‑sagramenti matul is‑sena

Aqra wkoll

Il-Quddiesa tal-Griżma bit-tberik taż-żjut, immexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna f’Ħamis ix-Xirka filgħodu, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Il-konċelebranti kienu jinkludu l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, l-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona OP, l-Arċisqof Emeritu ta’ Tirana-Durrës George Frendo OP, l-Isqof Emeritu ta’ Garissa Pawlu Darmanin OFM Cap, u għadd ta’ saċerdoti djoċesani u reliġjużi. Din hija l‑unika quddiesa li tiġi ċċelebrata f’Ħamis ix‑Xirka filgħodu mill‑Arċisqof flimkien mas‑saċerdoti tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta.

Matul din il‑quddiesa s‑saċerdoti jġeddu l‑wegħdiet tal‑ordinazzjoni saċerdotali tagħhom, b’tiġdid ta’ impenn tal‑għaqda bejniethom u mal‑isqof tagħhom. Fiha wkoll jitbierku ż‑żjut li jintużaw fiċ‑ċelebrazzjoni tas‑sagramenti matul is‑sena sa Ħamis ix‑Xirka oħra.

Fl-omelija l-Arċisqof għamel referenza għat-tliet kelmiet li l-Papa Franġisku jħobb juża sabiex jispjega l-atteġġjament tal-Mulej: il-ħniena, il-qrubija u t-tenerezza. Huwa qal li f’kull f’Ħamis ix-Xirka l-Knisja tibda tiġġedded iżda biex dan iseħħ tassew, fil-qalb kemm tal-Knisja kif ukoll fil-qalb tagħna jrid ikun hemm dak il-ferħ li ġej mill-fatt li l-Mulej hu l-għajn ta’ kull ħniena, qrubija u tenerezza. Meta nagħrfu li l-Mulej hu dan kollu, Mons. Arċisqof qal li “jkollna wkoll il-qawwa nħarsu lejna nfusna, lejn xulxin u lejn il-poplu għażiż tagħna bl-istess tenerezza, ħniena u qrubija tal-Mulej lejna”.

“Ta’ min nistaqsu lilna nnfusna: Imma jiena kif inħares lejja nnifsi? Jekk inħares lejja b’rabja jfisser li għadni ma skoprejtx it-tenerezza ta’ Alla għalija, għal ħuti u għall-poplu tiegħu. Inħares lejja nnifsi bi ħniena? Nieħu paċenzja bija nnifsi? … Wara kollox, il-ħniena u l-mogħdrija ta’ Alla ġagħlitu jsir bniedem bħalna u għalina” … Meta lill-Mulej ngħidlu ‘Missieri’ nħossu qrib tiegħi? Qiegħed nagħraf lili nnifsi? Għax li nħoss li Alla hu viċin tiegħi hi l-għerq ukoll tal-għarfien tiegħi nnifsi, bil-limiti tiegħi. Din hi l-qrubija li ġġagħlna nkunu viċin, bħalma aħna viċin mal-poplu qaddis tagħna.”

Ekonomija

Sport