Tuesday, August 19, 2025

Jitfgħu n-nomini ż-żewġ kandidati għall-kariga ta’ Kap tal-PN

Alex Borg irid partit aktar inklussiv... Adrian Delia jgħid li l-messaġġ tiegħu huwa ta’ esperjenza u lealtà 

Aqra wkoll

Hekk kif dalgħodu għalqu n-nomini għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, iż-żewġ kandidati prospettivi – Alex Borg u Adrian Delia – tefgħu uffiċjalment in-nominazzjoni tagħhom għall-kariga. Issa dawn iridu joqogħdu għar-regolamenti li ġew imfassla mill-PN li għandhom iwasslu sal-elezzjoni għall-ħatra ta’ Kap tal-PN fis-6 ta’ Settembru li ġej. 

Wara li tefgħu n-nomina tagħhom, Borg u Delia esprimew l-ideat tagħhom dwar kif se jkunu qegħdin imexxu l-partit jekk xi ħadd minnhom jingħata l-fiduċja mit-tesserati li jmexxi lill-PN. 

Borg qal li l-enfasi tiegħu hi li jara li l-PN ikun partit aktar inklussiv. Qal li minn din l-elezzjoni mhu se jkun hemm la tellief u lanqas rebbieħ u li skontu l-unika rebbieħ se jkun il-PN. “Dejjem imxejt b’lealtà. Jiġri x’jiġri jien se nimxi wara hu min hu… jekk inkun jien nistenna li kulħadd jimxi warajja, jekk ikun Adrian nimxu wara Adrian.”

Borg saħaq ukoll li għamel dan il-pass għax jemmen li “dan hu l-mument li jagħtu tama ġdida u żagħżugħa, tama b’enerġija dinamika.” Tenna wkoll li jrid jara partit aktar miftuħ u se jkun qiegħed jagħmel partit inklussiv li jilqa’ lil kulħadd. 

Min-naħa l-oħra, Adrian Delia ġie kkwotat jgħid li l-messaġġ tiegħu se jkun tal-esperjenza, ta’ lealtà lejn il-partit, ta’ għarfien u preparazzjoni biex il-partit jersaq għall-elezzjoni bħala Gvern alternattiv. Huwa qal ukoll li l-islogan “Nirbħu” ifisser li jridu jirbħu liż-żgħażagħ u lin-Nazzjonalisti li telqu mill-partit.

Delia qal ukoll li jridu jirbħu l-fiduċja tan-nies. Qal li “m’għandniex nippretendu jew naħsbu li għandna xi dritt li niggvernaw imma b’umiltà nippreżentaw rwieħna ħalli nirbħu l-fiduċja tan-nies.” Huwa temm jgħid li l-PN la huwa ta’ individwu, la huwa tal-ftit magħżula u lanqas tal-ħbieb imma fi kliemu “huwa partit tal-ħafna.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport