Saturday, December 21, 2024

Jitħabbar il-progamm “Christmas in the Capital” għas-sena 2024.

Stqarrija mill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u ċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef ħabbru Christmas in the Capital, il-programm varjat annwali ta’ attivitajiet tal-Milied li se jittella’ fil-Belt Valletta mill-25 ta’ Novembru sal-31 ta’ Diċembru 2024. Dan il-programm, li jinkludi l-avvenimenti kollha inkluż id-dwal tal-Milied u anki l-kunċert tal-aħħar tas-sena, se jkun qed isir mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta b’investiment ta’ nofs miljun ewro.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal:”Christmas in the Capital mhux biss huwa ċelebrazzjoni tas-sbuħija tal-Milied fil-qalba tal-Belt Valletta, imma jservi wkoll bħala mezz biex ngħaqdu n-nies flimkien u nħossu l-valuri tas-solidarjetà, l-għaqda u l-paċi li jagħmluna Maltin. Din l-inizjattiva għandha l-għan li toħloq ambjent ta’ ferħ u serenità, fejn kull min iżur il-Belt Valletta, jistgħu jieħdu pjaċir f’attivitajiet kulturali, mużikali u artistiċi li jispikkaw għal dan il-perjodu ta’ festi.

“Aħna nħarsu ‘l quddiem għal Milied li jirrifletti l-ispirtu vera ta’ dawn iż-żminijiet,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

Ic-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, is-Sur Jason Micallef qal li din is-sena l-programm tal-Milied se jkun iffokat fuq attivitajiet ta’ briju u oħrajn li jevokaw sens ta’ paċi u li jfakkru l-qofol ta’ dawn iż-żminijiet, b’mod speċjali l-purċissjoni tradizzjonali u tant għażiża għalina l-Maltin ta’ Ġesù Bambin. Is-Sur Micallef kompla jgħid li dan il-Milied se nkunu qed nilqgħu lill-familji lura fil-Belt Valletta b’madwar 25 attività u attrazzjoni fuq medda ta’ xahar.

Huwa stieden lil kulħadd biex jieħu nota tal-avvenimenti fuq il-programm fosthom id-dawl u t-tiżjin li jsebbħu l-Belt Kapitali, buskers, street entertainers, korijiet u kunċerti mużikali minn gruppi u kantanti popolari li jinkludu Chiara, Jason Xuereb, Janvil, Riona, Rachel Fabri, Veronique Vella, Franklin, Sean Borg, Centerstage Choir, Cappella Musicale Caeciliana, u oħrajn. Jason Micallef ħabbar ukoll li l-avveniment tal-aħħar tas-sena, l-akbar avveniment ta’ din ix-xorta f’pajjiżna, se jkun qed jerġa’ jsir fi Pjazza San Ġorġ u d-dħul għalih se jerġa’ jkun bla ħlas.

Is-siġra tal-Milied fi Pjazza Ħelsien u d-dwal fit-toroq ewlenin fil-Belt Valletta ser jinxtegħlu wkoll f’dan il-perjodu mill-isbaħ meta ser jiġi inawgurat ukoll presepju artistiku tal-Milied biswit id-daħla tal-Konkaditral ta’ San Ġwann. Ser tindaqq ukoll mużika tal-Milied fi Triq ir-Repubblika matul il-perjodu kollu.

Fost avvenimenti oħra fil-programm Christmas in the Capital għal din is-sena se jkun hemm ukoll, workshop għat-tfal fil-Valletta Design Cluster, u prestazzjoni taż-żfin li tinkorpora madwar 50 żeffien minn Dancel Dance Studio bis-sehem ta’ Ludwig Galea quddiem il-Parlament.

Żur is-sit web vca.gov.mt u l-paġna ta’ Facebook tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta għal aktar informazzjoni.

Ekonomija

Sport