Thursday, April 2, 2026

Jitħabbar il-programm ta’ attivitajiet għall-festa ta’ San Girgor

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda l-programm ta’ attivitajiet għall-festa tradizzjonali ta’ San Girgor.

Il-festa ta’ San Girgor tmur lura għas-seklu 16. Fil-forma li nafuha llum, bdiet fl-1781 b’digriet mill-Isqof Vincenzo Labini fejn kien ġie deċiż li din il-festa tkun iċċelebrata dejjem l-ewwel Erbgħa fuq l-Għid il-Kbir. Hija magħrufa wkoll li fiha ssir l-ewwel għawma.

Il-Ministru Bonnici qal kif għal darb’oħra l-Gvern qed juri l-impenn tiegħu lejn it-tisħiħ tal-identità kulturali tagħna, u dan anke permezz ta’ ħidma flimkien mal-kunsilli lokali rispettivi. “L-inizjattiva biex jiġi mmarkat San Girgor b’dan il-mod uniku, b’attivitajiet kulturali, mużika, għana u attivitajiet edukattivi, qed turi biċ-ċar kemm aħna determinati li nressqu l-wirt intanġibbli tagħna eqreb lejn il-poplu, b’mod speċjali lit-tfal,” kompla jgħid il-Ministru Bonnici.

Min-naħa tiegħu, Clifford Galea,  l-Assistent Direttur tad-Direttorat tal-Kultura, qal, “Id-Direttorat tal-Kultura huwa impenjat li jsaħħaħ tradizzjonijiet li għaddew għandna sa minn ħafna snin ilu, u fl-istess ħin, nagħmluhom aċċessibbli għal kulħadd, inklużi t-tfal”.

Il-programm se jinkludi Serata Kulturali minn Wirt iż-Żejtun, ‘Memorji u tifkiriet ma’ Charles Flores’, animata minn mużika sagra bl-arpa minn Dr Lydia Buttigieg u għana fatt ta’ Żeppi Spagnol fuq il-ħbit tat-Torok fuq iż-Żejtun fis-sena 1614.

Fuq iz-zuntier se tiġi organizzata infjorata u xogħol fuq platti tal-melħ, patrimonju ħaj li qed issir ħidma biex iktar tard din is-sena anke hu jkun meqjus bħala wirt kulturali intanġibbli fil-lista rappreżentattiva tal-Unesco. Ix-xogħol se jsir matul il-lejl biex titgawda mill-pubbliku f’Jum San Girgor.

Fit-8 ta’ April, il-ġurnata tibda b’mixja simbolika minn XirCammini, il-mixja tradizzjonali li kienet issir mill-Imdina. Din id-darba se ssir minn Bir Miftuħ fil-Gudja saż-Żejtun. Bosta bankarelli ser ikunu esebiti għall-pubbliku b’suġġetti relatati mal-wirt intanġibbli bħal platti tal-melħ, l-għażżiela u anke bizzilla, sfumar tal-pavaljuni, u liedna tal-festa.

Ser ikun hemm ukoll tours apposta għat-tfal mill-gwida professjonali Jeremy Grech biex it-tfal jitgħallmu wkoll l-istorja ta’ pajjiżna. Se ssir ukoll kompetizzjoni bi premju relatat ma’ din l-okkażjoni. Ser ikun hemm ukoll attivitajiet għaddejjin fil-ġonna tal-madwar fosthom fi Ġnien il-Kmand u anke fi Ġnien l-Għannejja fejn il-pubbliku jista’ jammira l-falkunerija. Bla dubju, f’din il-festa mdorrijin nisimgħu l-għana Maltija li se tkun qed issir fl-akkwata tal-Pjazza ta’ San Girgor u se jkun hemm ukoll preżentazzjoni tal-ftira Maltija.

Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet attendew ukoll is-Sindku taż-Żejtun Joan Agius u s-Sindku ta’ Marsaxlokk  Steven Grech.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport