Sunday, December 22, 2024

Jitħabbar il-programm ta’ avvenimenti ta’ Festivals Malta għas-sajf 2023

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda l-programm ta’ avvenimenti ta’ Festivals Malta għas-sajf tal-2023. Dan il-programm, għal darb’oħra, ser jinkludi r-Ritmu Roots Festival, il-Malta International Arts Festival, il-Malta Jazz Festival, u t-tieni edizzjoni tad-Dance Festival Malta.

Il-Ministru Owen Bonnici tenna li qed jipprovdu lill-pubbliku u t-turisti li jżuruna xahrejn ta’ attivitajiet kulturali ta’ kalibru u livell għoli. “Tul is-snin, l-avvenimenti tas-sajf ta’ Festivals Malta saru sinonimi għad-diversità artistika tagħhom tant li saru appuntament annwali għal bosta udjenzi lokali u internazzjonali. Se nkomplu ninvestu fil-kultura tagħna u nkomplu wkoll nagħtu sostenn lis-setturi kreattivi u kulturali fejn iktar artisti qed jingħataw l-opportunità jkabbru u jtejbu t-talenti tagħhom,” qal il-Ministru Bonnici

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman ta’ Festivals Malta Aaron Zahra qal li l-festivals li qed jitħabbru llum huma festivals stabbiliti, tant li sena wara l-oħra jibqgħu jiġu organizzati għaliex huma mfittxija sew fost l-udjenza Maltija, kif ukoll dik barranija. Kompla li dan juri biċ-ċar is-suċċess li jiksbu dawn il-festivals u kemm huwa importanti li jibqgħu fil-kalendarju tagħna.

“Matul iż-żmien dawn il-festivals evolvew, u bil-ħidma ta’ Festivals Malta rnexxielhom jilħqu livelli aktar għolja. Fil-fatt bosta huma dawk l-individwi minn barra minn xtutna li jagħżlu ’l Malta bħala destinazzjoni għall-festivals kulturali fis-sajf, dan minħabba l-varjetà u l-livell ta’ organizzazzjoni li joffru dawn l-avvenimenti,” temm jgħid is-Sur Zahra.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Annabelle Stivala qalet, “It-tim ta’ Festivals Malta huwa kommess li jsib modi ġodda u innovattivi ta’ kif norganizzaw il-festivals tagħna, bħal li ninstigaw djalogu fuq diversi livelli fis-soċjetà, filwaqt li noħolqu emozzjonijiet u viżjoni komuni biex l-arti tkun lingwa universali li titkellem fuq l-ambjent, it-tibdil fil-klima, ugwaljanza soċjali u suġġetti oħra kurrenti.”

Il-kalendarju jibda b’Ritmu Roots Festival, taħt direzzjoni artistika ta’ Andrew Alamango. Dan il-festival ser jittella’ bejn it-2 u l-10 ta’ Ġunju u ser jinkludi l-kontribuzzjoni ta’ bosta artisti Maltin u għannejja u artisti internazzjonali tal-ġeneru mużikali folk u fado. Għall-ewwel darba f’dan il-festival ser issir ukoll esebizzjoni li tfakkar il-legat tal-għannej mibki Mikiel Abela il-Bambinu. Bejn is-16 u l-25 ta’ Ġunju ser jittella’ l-Malta International Arts Festival taħt id-direzzjoni artistika ta’ Ruben Zahra. Dan il-festival multi dixxiplinarju ser jara bosta artisti internazzjonali, fosthom Guilhem Desq li ser idoqq l-istrument partikolari bl-isem ta’ hurdy-gurdy u Thomas Bloch bil-glass harmonica.

Il-programm artistiku jkompli bil-Malta Jazz Festival f’Ta’ Liesse u s-City Theatre li ser jirritorna bejn l-10 u l-15 ta’ Lulju, taħt id-direzzjoni artistika ta’ Sandro Zerafa. Il-festival ser jospita fost l-aqwa artisti rinomati internazzjonalment għall-mużika jazz, li jinkludu Immanuel Wilkins, Kurt Elling, Kurt Rosenwinkel, Dmitry Baevsky, Laurent Coq, u r-rebbieħa tal-Best New Artist Grammy Award Samara Joy. Il-kalendarju tas-sajf jagħlaq bit-tieni edizzjoni tad-Dance Festival Malta bejn is-27 u t-30 ta’ Lulju. Taħt id-direzzjoni artistika ta’ Francesca Tranter, dan il-festival ser jinkludi prestazzjonijiet ta’ żfin f’diversi ġeneri kemm minn artisti lokali u internazzjonali li huma esperti fil-qasam.

Ekonomija

Sport