Il-Gvern se jressaq proposta quddiem il-Parlament biex art f’Pembroke tingħata għal skop sportiv kif ukoll użu ġdid u ikbar mill-komunità.
Waqt laqgħa għall-membri u partitarji ta’ Valletta FC, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li minn dan il-proġett se jibbenefika bil-kbir fost oħrajn il-klabb Belti li, wara għexieren ta’ snin mingħajr faċilitajiet, issa jkollu l-art minn fejn jopera u jimxi ’l quddiem.
Din l-art f’Pembroke, li fil-pjan lokali hija skedata għall-bini ta’ uffiċini u residenzi privati, għandha l-valur fis-suq li jlaħħaq bejn il-75 u l-100 miljun ewro.
Bis-saħħa ta’ ekonomija b’saħħitha li tippermetti deċiżjoni bħal din, il-Gvern għamel l-għażla konxja li, minflok żvilupp li jiġġenera iktar finanzi, imur għall-proġett sportiv li jippromwovi ħajja sana u involviment tat-tfal u ż-żgħażagħ fl-attività fiżika.
Id-disinji li ġew abbozzati jixhdu l-pjan li Valletta FC ikollu pitch full-size, pitch ieħor 5-a-side, kif ukoll faċilitajiet għall-amministrazzjoni u għall-akkademja tal-klabb. Il-kunċett huwa mibni fuq l-iżvilupp ta’ kampus sportiv u hub għat-taħriġ tal-football.
Parti oħra minn din l-art se tingħata sabiex il-klabb ta’ Swieqi United ikollu wkoll il-pitch ġdid tiegħu, kif ukoll biex issir l-ewwel faċilità ddedikata speċifikament għall-futsal f’pajjiżna.
Għall-komunità ta’ Pembroke, se jsir investiment fuq spazju miftuħ ta’ iktar minn 4,500 metru kwadru bejn il-faċilitajiet sportivi u r-residenzi, biex jitgawda mill-familji taż-żona. Se jkun assigurat ukoll parkeġġ meħtieġ.
Il-Prim Ministru qal li l-kelma tal-Gvern lill-klabb tal-Belt se tinżamm u li issa din il-ħolma qed titwassal bit-tħabbira tal-proġett u eventwalment bl-implimentazzjoni li jrid isir b’ritmu b’saħħtu.
“Dan il-proġett huwa konferma tal-fiduċja li għandna fl-attività sportiva u tal-importanza li qed nagħtu lill-isport f’pajjiżna,” temm jgħid Dr Abela.
Il-Ministru għall-Isport Clifton Grima qal li issa l-Awtorità tal-Artijiet għaddejja bil-proċess biex l-art f’Pembroke tgħaddi uffiċjalment għand Sport Malta, biex imbagħad il-proposta tiġi approvata mill-Parlament u jiġi ffirmat il-kuntratt biex il-klabb tal-Belt ikollu d-dar sportiva tiegħu.
Il-President ta’ Valletta FC Claudio Grech irringrazzja lill-Gvern ta’ din il-ġurnata li se tibqa’ mniżżla fl-istorja tal-klabb għal snin twal. Qal li dan mhuwiex biss l-ewwel pass biex tingħata biċċa art, imma pass importanti biex ikun assigurat futur b’saħħtu għall-klabb tal-Belt u għall-ġenerazzjonijiet żagħżugħa li se jitgħallmu l-football u jsiru membri aħjar tas-soċjetà.

