Saturday, December 21, 2024

Jitħabbar proġett ta’ riabilitazzjoni ta’ Wied Speranza b’passaġġ għall-mixi

Aqra wkoll

Se jingħata bidu għall-proġett ta’ tindif u riabilitazzjoni ta’ Wied Speranza fil-Mosta bl-għan li l-wied mhux biss jitnaddaf mill-iskart mormi illegalment, iżda tiġi riabilitata l-ekosistema filwaqt li permezz ta’ xogħol fuq l-ilqugħ tal-ilma se jkun qed jiġi konservat l-ilma tax-xita.

Permezz ta’ dan ix-xogħol, b’investiment ta’ nofs miljun ewro, se jinħoloq passaġġ għall-mixi għat-tgawdija tal-viżitaturi.

Dan ħabbritu l-Ministru għall-Enerġija l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli waqt żjara fiż-żona flimkien mad-Direttur Ġenerali ta’ Parks Malta Adrian Attard.

It-tindif taż-żona u r-riabilitazzjoni tal-wied se joffri wkoll aċċess aktar sigur għall-viżitaturi minħabba li l-mogħdijiet naturali li se jkunu qed jitnaddfu u jsiru aktar aċċessibbli.

“Parks Malta bdiet ix-xogħol amministrattiv biex ikun jista’ jinbeda ix-xogħol fuq Wied Speranza, li jibda mill-kapella tal-Isperanza sal-Kapella ta’ San Pawl tal-Qlegħja. Dan ix-xogħol jinkludi t-tindif ta’ materjal, it-tneħħija ta’ siġar invażivi u t-tħawwil ta’ siġar u arbuxelli indiġeni”, spjegat il-Ministru Miriam Dalli.

Xogħol ieħor jinkludi r-restawr ta’strutturi rurali, ħitan tas-sejjieħ, pontijiet tal-ġebel u skontri li jinsabu f’dan il-wied.

Ħidma essenzjali minn dan il-proġett se jkunu l-interventi ġodda għall-ilqugħ għall-konservazzjoni tal-ilma. Bi klima Mediterranja, pajjiżna jesperjenza xhur twal ta’ temperaturi għolja u nuqqas ta’ xita. Għalhekk hu essenzjali li l-ilma tax-xita jiġi konservat.

Dan il-proġett jifforma parti minn proġett aktar usa’ tal-Life IP River Basin Management Plan. Pjan fuq medda ta’ tmien snin, immexxi mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma flimkien ma’ Parks Malta, u  jinkludi t-tħejjija ta’ pjanijiet maġġuri għal 12-il ilqugħ tal-ilma f’Malta (9) u f’Għawdex (3) sabiex jiġu identifikati l-interventi meħtieġa.

Fuq medda ta’ madwar 16-il kilomentru, dan l-ilqugħ tal-ilma jibda minn Ħad-Dingli, jgħaddi min-naħa ta’ San Pawl tal-Qlejgħa, Wied Speranza, Wied il-Għasel, Wied Santa Katarina sa Wied Għajn Rihana, u jibqa’ nieżel sas-Salini.

“Permezz ta’ dawn il-proġetti u interventi minn Parks Malta  fil-widien,  qed inkomplu nħarsu l-wirt naturali ta’ pajjiżna, sabiex ikun jista’ jiġi apprezzat u jitgawda mill-pubbliku”, qal is-Sur Attard.

Ekonomija

Sport