Friday, September 20, 2024

Jitħabbru d-dati tal-Valletta Green Festival

Aqra wkoll


Il-Valletta Green Festival—l-avveniment annwali li huwa sinonimu mar-Rebbiegħa fil-Belt Valletta—ser ikun qed isir mill-Ħamis 28 ta’ April sal-Ħadd l-1 ta’ Mejju.

It-tema għall-edizzjoni ta’ din is-sena hija l-importanza tal-ispazji pubbliċi, il-protezzjoni tal-abitat naturali u l-effett li dan għandu fuq il-flora u l-fawna tal-gżejjer tagħna. L-attrazzjoni prinċipali tal-festival, l-infjorata, ser tkun qed issir fi Pjazza San Ġorġ.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici stqarr kif il-Valletta Green Festival kull sena qed iżid fil-popolarità tiegħu.

“Dan il-festival juri biċ-ċar il-viżjoni tal-Gvern li żamm il-wegħda tiegħu biex  jintroduċi aktar tħaddir urban.”

Il-Ministru Bonnici spjega li  t-tema magħżula għal din is-sena hija l-importanza tal-ispazji pubbliċi, il-ħarsien tal-abitat u l-effett li jħalli t-telf tal-abitat fuq il-flora u l-fawna tal-gżejjer tagħna. Huwa tenna li dan il-festival se jkun qed iġib flimkien il-kultura u l-ambjent, żewġ sorsi ta’ ispirazzjoni li mingħajrhom nitilfu parti importanti mill-identità tagħna.

L-entitajiet fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, se jkunu qed jipparteċipaw f’dan il-festival, biex joħolqu kuxjenza akbar dwar l-ispazji miftuħa, ir-riċiklaġġ, il-protezzjoni tal-abitat naturali, il-bijodiversità u l-konservazzjoni tar-riżorsi.

“Permezz ta’ dan il-festival, se noffru spazju ta’ informazzjoni għall-pubbliku dwar il-ħidma li entitatjiet differenti qed jagħmlu favur is-sostenibilità, ambjent aktar b’saħħtu u sigur, u spazji aċċessibbli,” spjegat il-Ministru Miriam Dalli.

L-entitajiet parteċipi huma l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA), l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, Ambjent Malta, Wasteserv u Parks Malta.

“Il-Valletta Green Festival, li issa daħal fid-disa’ sena tiegħu, hu mezz ewlieni għall-Agenzija Kulturali għall-Belt Valletta sabiex bil-fatti titqajjem kuxjenza ambjentali madwar il-pajjiż, mhux biss fil-Belt Valletta,” tenna ċ-Chairman tal-Aġenzija Jason Micallef.

L-infjorata ta’ din is-sena, magħmula minn aktar minn 50,000 pjanta li jinkludu l-ħwawar u titratta d-disinn ta’ żrinġ fi spazju ta’ 500 metru kwadru, hija intiża biex tqajjem kuxjenza dwar il-qerda tal-ħabitat taż-Żrinġ Impinġi (Painted Frog) li huwa l-uniku amfibju li għandna f’Malta. Il-festival ta’ din is-sena ser jinkludi wkoll  il-korsa ta’ ostakoli għall-klieb Ruff Mudder li se ssir fi Ġnien Laparelli nhar it-30 ta’ April mill-10am sas-6pm. Wara l-inizjattiva tas-sena l-oħra, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta se tkompli bil-kontribut tagħha favur l-tħaddir urban u se tħalli warajha legat ta’ 15 % ta’ diversi pjanti u siġar fi Triq il-Gendus u Triq San Karlu, il-Belt Valletta.

Diversi stands ser jittellgħu fi Pjazza San Ġorġ fejn ser tkun qed tingħata informazzjoni lill-pubbliku dwar l-ambjent u inizjattivi ħodor. 

Il-festival ser jittella’ f’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u l-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Water be the Change, Ambjent Malta, ERA, Wasteserv u L-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni.

Sport