Monday, September 23, 2024

Jitħabbru d-dettalji tal-Levant Music Festival f’Għawdex

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar li l-festival popolari Levant Music Festival ser jiġi organizzat nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Settembru. 

“Permezz ta’ dan il-festival li hu wieħed minn tal-aħħar, prattikament ser inkunu qed inniżżlu s-separju fuq il-kalendarju kulturali vast li ħejjejna għal Għawdex matul l-istaġun sajfi.

Infakkar li matul dawn l-aħħar 12-il ġimgħa, f’kull rokna ta’ gżiritna organizzajna attività bil-għan li mhux biss nilħqu l-gosti ta’ kulħadd, imma aktar minn hekk, li nħallu impatt pożittiv fuq dawk kollha li għoġobhom jipparteċipaw f’dawn l-attivitajiet. Fil-fatt, kellna rispons inkoraġġanti għall-attivitajiet li organizzajna li kienu jammontaw għal xejn inqas minn 130,” qal il-Ministru Camilleri.

Il-Ministru Camilleri sostna wkoll li issa li l-istaġun sajfi kważi spiċċa, ħarsitna tmur lejn attivitajiet oħra hekk kif għaddejjin il-preparamenti fuq l-istaġun operisitku Għawdxi u kif ukoll dak relatat mal-attivitajiet tal-Milied li tant huma sinonimi ma’ Għawdex. 

“L-istatistika marbuta mal-istaġun tas-sajf hija waħda inkoraġġanti u dan ikompli jimliena bl-entużjażmu biex għax-xhur li fadal, inħejju programmi kulturali tal-għola livell,” temm jgħid il-Ministru Camilleri. 

Shawn Schembri, wieħed mill-organizzaturi tal-Levant Music Festival, qal li din is-sena wkoll, Tribali ser ikunu l-mistednin distinti ta’ dan il-festival fejn ser ikunu qed jagħtu prestazzjoni mill-aqwa u esklussiva f’Għawdex. “Dan apparti li l-grupp Għawdxi Chasing Pandora, ser ikun qed idoqq qabel ftit ġimgħat oħra jniedu album ġdid wara bosta snin ta’ stennija. Id-DJ popolari Ziggy ser jagħlaq dan il-festival,” qal is-Sur Schembri. 

Levant Music Festival ser jinżamm fl-inħawi tal-Gozo Heliport, fix-Xewkija u jibda fid-9pm. Dan il-festival huwa sponsorjat mid-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport