Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar li għal sena oħra, iċ-Ċittadella se terġa’ tieħu l-ħajja bil-festival annwali tant mistenni, Lejl Imkebbes, nhar is-Sibt, 14 ta’ Ġunju, 2025, mis-7pm ’il quddiem. Iċ-Ċittadella, bil-karattru distintiv tagħha, toffri l-isfond perfett għal din il-lejla maġika, fejn id-dawl u l-ħajja jingħaqdu mal-wirt rikk tal-gżira.
Din is-sena Lejl Imkebbes se jservi wkoll bħala pjattaforma għat-tnedija ta’ inizjattiva relatata mal-Malta Vision 2050 – Gozo 2050: A Journey Through Time. Din hija esperjenza interattiva ta’ tlett ikmamar li se tesplora l-preżent ta’ Għawdex u turi viżjoni tal-futur immaġinat tal-gżira.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li Lejl Imkebbes huwa appuntament annwali mistenni b’ħerqa fil-kalendarju kulturali ta’ Għawdex għaliex hu avveniment mill-isbaħ li jiċċelebra l-istorja, il-kultura, u l-komunità Għawdxija b’mod uniku u spettakolari u jattira eluf ta’ nies lejn iċ-Ċittadella.
Preżenti kien hemm ukoll id-Direttur Artistiku Quinton Scerri fejn qal li din is-sena Lejl Imkebbes ser ikun imżewwaq b’aktar minn 20,000 xemgħa b’għadd ta’ disinni kbar u artifatti bid-dawl li għadhom joħolqu atmosfera unika u maġika għal dawk kollha li ser jattendu.
Il-programm ta’ Lejl Imkebbes huwa ddisinjat biex joffri esperjenza indimentikabbli għall-familja kollha, u jinkludi divertiment live, reenactments storiċi, aċċess b’xejn għall-mużewijiet, food stalls, u opportunitajiet għar-ritratti.
Il-Ministru Camilleri tkellem ukoll dwar it-tnedija ta’ Gozo 2050: A Journey Through Time li se ssir waqt Lejl Imkebbes u spjega li “l-għan ewlieni ta’ din l-inizjattiva huwa li tinvolvi lill-komunità Għawdxija fil-ħolqien tal-futur tal-gżira. Il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar jinsab impenjat li jisma’ l-ideat, ix-xewqat, u l-aspirazzjonijiet tal-Għawdxin għal Għawdex tal-ġejjieni. Permezz ta’ din l-esperjenza, qed jiġi mistieden kulħadd biex ikun parti mill-konverżazzjoni dwar kif nistgħu niżguraw li Għawdex jibqa’ post attraenti biex wieħed jgħix, jaħdem u jżur, anke fis-snin li ġejjin.”
Il-pubbliku huwa mistieden iżur iċ-Ċittadella fl-14 ta’ Ġunju li ġej għal din il-lejla maġika ta’ ċelebrazzjoni kulturali u viżjoni għall-futur ta’ Għawdex.