Tħabbar it-tiġdid ta’ numru ta’ skemi u għotjiet finanzjarji mmirati biex ikomplu jsaħħu l-qalba lejn sistemi ta’ trasport aktar nodfa, sostenibbli u ambjentali. B’kollox, ġew imħabbra d-dettalji ta’ seba’ skemi li fost l-oħrajn jippromwovu x-xiri u l-użu ta’ vetturi elettriċi, muturi elettriċi u bil-petrol b’emissjonijiet baxxi, pedelecs (roti b’mutur elettriku), kif ukoll vetturi aktar aċċessibbli għal persuni b’diżabilità jew b’mobilità ridotta.
Fl-aħħar erba’ snin, l-investiment totali ta’ dawn il-grants laħħaq id-€90 miljun, bejn l-2022 u l-2025, b’aktar minn 15,000 grant approvat. Il-pakkett ta’ miżuri għal din is-sena jirrappreżenta investiment sostanzjali ta’ €33 miljun li jkompli jħeġġeġ lill-individwi, lill-familji u lin-negozji jagħżlu mezzi ta’ mobilità aktar moderni.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett qal li r-rispons pożittiv tal-pubbliku għal dawn l-għotjiet finanzjarji jkabbar l-impenn tal-Gvern li jkompli bil-politika tal-inċentiv u mhux tal-kastig. Huwa spjega kif l-investiment fl-aħħar 4 snin, flimkien ma’ dak ta’ din is-sena ifisser li “pajjiżna għad għandu fost l-ikbar grants fl-Ewropa u għandna fost l-ikbar rata ta’ vetturi elettriċi fl-Ewropa li jfisser li l-Gvern, bil-policies tiegħu, jinsab fid-direzzjoni t-tajba,” kompla jgħid il-Ministru Bonett.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, Kurt Farrugia qal li għal dawn il-grants jistgħu japplikaw għalihom dawk kollha li xtraw il-vettura tagħhom mill-1 ta’ Jannar 2026 ’il quddiem. Huwa spjega kif l-applikazzjonijiet huma miftuħa u jistgħu jiġu aċċessati mis-sit ta’ Transport Malta.
Dawn l-iskemi ta’ għotjiet finanzjarji, inklużi inizjattivi ta’ skrapjar, għandhom l-għan li jinkoraġġixxu x-xiri ta’ vetturi elettriċi u muturi ġodda, inklużi pedelecs ġodda, għal individwi, organizzazzjonijiet volontarji u intrapriżi.
Dan l-investiment jikkonferma l-impenn ċar tal-Gvern li jkompli jibni futur aktar nadif u effiċjenti fis-settur tat-trasport, filwaqt li jsaħħaħ il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u jikkontribwixxi għall-miri ambjentali nazzjonali.
Id-dettalji kollha tal-iskemi jistgħu jiġu aċċessati mis-sit ta’ Transport Malta www.transport.gov.mt.

