Friday, December 13, 2024

Jitħabbru r-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali fil-qasam tad-dimensja 2021

Aqra wkoll

Matul serata li ġiet organizzata mill-Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva, tħabbru r-rebbieħa tal-premju nazzjonali fil-qasam tad-dimensja 2021.

Din is-serata, kienet il-qofol ta’ sensiela ta’ attivitajiet li ġew organizzati matul ix-xahar li għadda, ix-xahar iddedikat għall-għarfien dwar il-kundizzjoni tad-dimensja.

Il-premju nazzjonali jirrikonoxxi d-dedikazzjoni u s-sagrifiċċji li jagħmlu individwi, professjonisti, membri tal-familja u organizzazzjonijiet li jaħdmu u jieħdu ħsieb persuni bid-dimensja u l-qraba tagħhom.

Matul iċ-ċeremonja ngħataw tliet premijiet:

Premju għall-Kontribut Eċċezzjonali fid-dimensja

Rebbieħ: Crafts and Coffee for Charity

Premju Carer Informali

Rebbieħ: Ms Mary Anne Vella

Premju Professjonist/Tim fil-qasam tad-dimensja

Rebbieħ: Mrs Roberta Attard Farrugia

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Michael Farrugia qal li f’dawn l-aħħar snin, il-Gvern introduċa diversi miżuri u qed jaħdem fuq diversi proġetti biex jiżgura s-sigurtà u l-ħarsien tal-persuni li jgħixu bid-dimensja, kemm dawk li jgħixu fi djar ta’ kura kif ukoll dawk li għadhom jgħixu fil-komunità. Fost diversi inizjattivi, din is-sena ġie estiż is-servizz tat-telecare permezz ta’ proġett pilota li qed jaħdem fost persuni li għandhom id-dimensja, it-Telecare on the Move. Dan is-servizz mhuwiex limitat għal operaturi b’linja fissa iżda jaħdem ukoll meta l-anzjani jkunu barra minn djarhom.

Il-Ministru Michael Farrugia fakkar ukoll li fil-ġranet li għaddew infetaħ l-ewwel day centre u night shelterol fl-Imtarfa li se jilqa’ fih peruni li għandhom din il-kundizzjoni u se jiftaħ ieħor bħalu f’Ħal Safi sal-aħħar ta’ din is-sena. Dawn iċ-ċentri huma l-ewwel tat-tip tagħhom mhux f’Malta biss iżda anke fl-Ewropa.

Ekonomija

Sport