Saturday, December 6, 2025

Jitħabbru r-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali għall-Volontarjat 2025

Aqra wkoll

Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarju organizza l-14-il ċerimonja tal-Premju Nazzjonali għall-Volontarjat sabiex, kif jagħmel kull sena, jagħti rikonoxximent lil persuni u għaqdiet li jiddistingwu ruħhom fis-settur, fejn bil-kontribuzzjonijiet tagħhom jagħmlu soċjetà aħjar.


B’kollox daħlu 44 nominazzjoni, u waqt iċ-ċerimonja ġew imħabbra u ppreżentati sitt premjijiet.

Ir-rebbieħa tal-premjijiet huma kif ġej:

1. Il-premju prinċipali, li huwa l-Premju Nazzjonali tal-Voluntier tas-Sena: Mario Darmanin mill-Għaqda Malta Frame Football

2. Premju Voluntier Żagħżugħ/a li huwa għal dawk ta’ bejn 16 u 30 sena: Emma Cauchi mill-Badel Powell Scouts Malta


3. Premju Nazzjonali għal Organizzazzjoni Volontarja: S.T.A.N.D. – Striving Towards Ability Not Disability

4. Victor Calvagna Children Volunteer Award, li jingħata lil voluntier ta’ bejn 10 u 15-il sena: Jan Weening Attard minn The Malta Rabbit Club

5. Premju Speċjali għas-Servizz Volontarju, li jingħata għal servizz eċċellenti fis-settur tal-volontarjat: Janatha Stubbs

6. Premju Speċjali Proġett tas-Sena fis-Settur Volontarju, li jingħata lil proġett li spikka matul is-sena: “Safe Home” tal-għaqda volontarja St John Rescue Corps

Din iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet saret lejliet il-Jum Internazzjonali tal-Volontarjat hekk kif iċċelebrat mill-Ġnus Magħquda kull nhar ta’ 5 ta’ Diċembru.

Il-premju prinċipali, dak tal-Voluntier tas-Sena, intrebaħ minn Mario Darmanin mill-għaqda Malta Frame Football, l-għaqda volontarja tas-sena ħaditha S.T.A.N.D. – Striving Towards Ability Not Disability filwaqt li l-Premju Speċjali ġie ppreżentat lil Janatha Stubbs għas-snin twal ta’ dedikazzjoni fil-qasam volontarju, b’mod partikolari għat-twaqqif tar-Razzett tal-Ħbiberja, li wara kien ingħaqad mal-Eden Foundation u sar il-Fondazzjoni Inspire kif nafuha llum.

Waqt iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premijiet, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia fissret li, “Waqt li nroddu ġieħ lil dawk li jagħtu ħinhom, l-enerġija tagħhom u qalbhom biex iservu lil ħaddieħor, niftakru kemm il-volontarjat huwa pilastru essenzjali fis-soċjetà tagħna. Il-voluntiera mhux biss jimlew vojt fejn hemm bżonn imma huma l-ispirazzjoni li tmexxina biex nibnu komunità aktar ġusta, aktar sensittiva u aktar magħquda. Kull azzjoni, kemm jekk żgħira jew kbira, toħloq effett li jinfirex u li jagħti tama lil ħafna. Dan il-Gvern jibqa’ sod fl-impenn tiegħu li jkompli jsaħħaħ l-istrutturi u r-riżorsi li jippermettu lill-voluntiera u lill-għaqdiet jagħmlu xogħolhom b’mod sikur, professjonali u sostenibbli. Aħna nemmnu bis-sħiħ li l-inklużjoni mhijiex biss kelma sabiħa, iżda valur li għandu jinħass fil-prattika ta’ kuljum, u l-volontiera tagħna huma l-aqwa eżempju ta’ kif dan jista’ jitwettaq.”

Gertrude Buttigieg, Chairperson tal-Kunsill, enfasizzat li l-Jum Internazzjonali tal-Voluntier għandu valur profond għax ifakkarna fil-ħidma ta’ eluf ta’ voluntiera, lil hinn minn kull stedina għall-grazzja. Hija rrikonoxxiet li dawn in-nies jagħtu l-iktar rigal prezzjuż li għandu l-bniedem – il-ħin tagħhom – u jpoġġuh għad-dispożizzjoni ta’ kawżi li huma għal qalbhom.

Il-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju jikkonferma l-impenn tiegħu li jsaħħaħ il-ħidma tal-voluntiera u tal-għaqdiet volontarji f’Malta. Din il-ħidma tikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-demokrazija, għar-reżiljenza komunitarja u għall-iżvilupp personali. Il-Kunsill jemmen bis-sħiħ li l-volontarjat mhux biss isaħħaħ il-potenzjal ta’ kull persuna, iżda wkoll itejjeb is-soċjetà tagħna meta naħdmu flimkien.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport