Saturday, October 26, 2024

Jitħabbru ż-żewġ finalisti tal-iskema Arti fi Spazji Pubbliċi

Aqra wkoll

Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi ħabbar iż-żewġ proġetti finalisti minn fost 12-il proposta li ġew sottomessi għall-programm ta’ Arti fi Spazji Pubbliċi 2022-2024, mill-ewwel sejħa. Iż-żewġ proġetti finalisti huma ‘A fine balance’ tal-artist Ivan Coleiro u ‘Embryonic Horse’ tal-artist Rune Bo Jakobsen.

Illum qed tinfetaħ sejħa ġdida għall-proposti sabiex jingħażlu erba’ proġetti artistiċi oħra.

Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li dan il-programm qed jagħti pjattaforma pubblika lill-artisti sabiex ikunu jistgħu juru l-viżjoni tagħhom bil-għan li jiżdied l-apprezzament tal-pubbliku għal dan ix-xogħol artistiku, u fl-istess waqt jgħolli l-livell tal-artisti.

Grazzi għal dan il-programm li qed jiġi ffinanzjat mid-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, l-artisti, b’kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali, se jkollhom l-opportunità li jkomplu jesponu t-talent tagħhom, joffru attrazzjonijiet varji lill-pubbliku u jintlaħqu l-aspirazzjonijiet tal-komunità biex ikompli jiżdied l-apprezzament għall-arti qalb il-pubbliku.

Il-ministru qal li l-artisti se jingħataw €30,000 kull wieħed għall-proġetti li jingħażlu.

Preżenti kien hemm is-Sur Martin Formosa, membru tal-bord tal-għażla, li spjega kif din is-sejħa mhux biss hija opportunità għall-artisti biex jesebixxu l-proġetti tagħhom fi spazji pubbliċi b’mod permanenti, iżda hija wkoll mezz ta’ kif inkomplu nsebbħu dawn iż-żoni b’opri artistiċi li jikkumplimentaw l-ambjent tal-post fejn jitpoġġew f’Malta u f’Għawdex.

Is-sottomissjonijiet jistgħu jsiru sal-Ġimgħa, 16 ta’ Diċembru 2022.

Sport