Friday, December 27, 2024

Jitħabru miżuri għal-immaniġġjar tal-iskart aħjar mill-Kunsilli Lokali

Aqra wkoll

Bil-għan li dejjem aktar jiġi mtejjeb il-koordinament fejn jidħol l-immaniġġjar tal-iskart f’pajjiżna, daħlu fis-seħħ regolamenti ġodda ser jagħtu lok għal ħidma iktar effettiva bejn il-kunsilli lokali, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u s-sidien tal-postijiet għall-btala (holiday premises).

Fil-fatt, mil-lum il-kunsilli lokali ser jkollhom Is-setgħa li jitolbu mingħand l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu dettalji u informazzjoni rigward sidien li huma responsabbli minn postijiet għall-btala (holiday premises) u dan bil-għan ewlieni li l-istess kunsilli lokali jkunu jistgħu jieħdu miżuri sabiex jindirizzaw aħjar u b’mod aktar effikaċi s-sitwazzjoni tal-immaniġġjar tal-iskart f’lokalitajiet fejn postijiet għall-btala (holiday premises) huma preżenti.

B’hekk permezz tat-tali informazzjoni, il-kunsill lokali jkun jista’ jieħu miżuri f’diversi forom, inkluż dawk edukattivi sabiex jkompli jeduka u jagħraf dwar l-iskeda nazzjonali tal-ġranet u l-boroż li jridu jinħarġu fihom kif ukoll miżuri ta’ infurzar, id f’id mal-awtoritajiet kompetenti. Dan fejn jirriżulta nuqqas ta’ osservanza mar-regoli u l-iskeda nazzjonali tal-iskart u dan bl-intendiment ewlieni li jiġu żgurati l-aħjar kundizzjonijiet ta’ indafa tal-lokalitajiet rispettivi u anke sabiex ikun rispettat l-ambjent li ngħixu fih.

Dawn l-emendi huma turija ċara li dan il-gvern huwa impenjat u kommess li dejjem aktar jagħraf itejjeb is-sistema nazzjonali tal-immaniġġjar tal-iskart, li jisħaq fuq il-bżonn tas-separazzjoni tal-iskart u li jassigura li jitħarsu l-liġijiet fejn tidħol indafa pubblika għall-benefiċċju taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin kollha.

Ekonomija

Sport