F’konferenza tal-għeluq tal-proġett Learning-Exchanging-Integrating bit-tema ‘Inħarsu lura. Inħarsu ’l quddiem’, ġew ippreżentati r-riżultati li rnexxielu jikseb dan il-proġett kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt il-fondi tal- Ażil, Migrazzjoni u Integrazzjoni (AMIF).
Fil-fatt, matul din il-konferenza ġie mħabbar kif permezz tal-programm ‘I Belong’, li huwa parti mill-proġett Learning-Exchanging-Integrating, ġew imħarrġa aktar minn 4000 persuna fil-lingwa Maltija, Ingliża u anke kultura lokali, liema programm kien jagħmel parti integrali mill-implimentazzjoni tal-Ewwel Strateġija u Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar l-Integrazzjoni. Dan il-programm, li beda f’Marzu tal-2018, ingħata fi tliet livelli differenti, b’kollaborazzjoni mal-MCAST, l-Università ta’ Malta, u mid-Dipartiment għat-tagħlim tul il-ħajja.
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg, li fid-diskors tagħha saħqet fuq l-importanza tal-outreach mhux biss mal-barranin imma anke mal-bqija tal-popolazzjoni, sabiex kulħadd iħossu milqugħ u mismugħ.
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg irrimarkat fuq l-importanza tal-irwol li wieħed għandu sabiex jifhem aħjar kif anke fost il-komunitajiet hemm diversità kbira u identitajiet intersezzjonali, u għaldaqstant jeħtieġ li s-servizzi mogħtija jolqtu dawn il-ħtiġijiet differenti hekk kif m’hemmx lok għal approċċ komuni għal kulħadd. Hija enfasizzat ukoll fuq l-importanza tal-edukazzjoni sabiex tissaħħaħ aktar l-integrazzjoni f’pajjiżna.
“Bħala gvern nemmnu bis-sħiħ li l-edukazzjoni hija essenzjali sabiex tissaħħaħ l-integrazzjoni. Aktar ma jgħaddi żmien, aktar qed nirrealizzaw kemm id-dinja qed issir villaġġ wieħed u globali u għalhekk sabiex inkomplu nsaħħu l-ħidma tagħna favur l-integrazzjoni, nistieden lil kulħadd biex jikkontribwixxi l-ideat u l-proposti fil- Konsultazzjoni Pubblika għat-Tieni Strateġija u Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni li għaddejja bħalissa u li hija miftuħa sal-aħħar ta’ Ġunju. L-għan aħħari tagħna huwa li jkollna soċjetà aktar ugwali u prospera,” qalet Buttigieg.
Waqt il-konferenza tkellem ukoll is-Sur Alexander Tortell mid-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem, fejn spjega kif tul dan il-proġett ġew organizzati bosta sessjonijiet ta’ informazzjoni dwar temi varji li huma ta’ interess għall-klijenti tad-Direttorat, fosthom dwar id-dokumentazzjoni, aċċess għall-edukazzjoni, saħħa sesswali u riproduttiva, u bosta temi oħrajn. Huwa semma wkoll li d-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem flimkien mal- Università ta’ Malta żviluppaw u offrew l-ewwel Diploma in Education for Cultural Mediation, jiġifieri taħriġ professjonali għall-medjaturi kulturali, li huma tant bżonjużi f’kuntest interkulturali bħal pajjiżna.