Saturday, December 21, 2024

Jitilgħu fuq is-soqfa tal-karozzi bi protesta f’Ta’ Qali

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Dilettanti tal-attività mtella’ mill-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi (ASMK) li kellha ssir il-Ħadd li għadda f’Ta’ Qali spiċċaw assistew għal ‘Demolition Derby’ differenti minn tas-soltu.

Dan is-sit ġie kkuntattjat minn uħud mis-sewwieqa li kellhom ikunu parteċipanti f’din l-edizzjoni li fiha numru ta’ sewwieqa kienu ilhom xi ġimgħat iħejju l-karozzi tagħhom biex ikunu jistgħu jikkompetu. Ġara iżda li wieħed mis-sewwieqa, li skont informazzjoni li għandu dan is-sit kien minn ta’ quddiem li imbotta biex jgħaqqad lis-sewwieqa l-oħra u jħeġġiġhom jipparteċipaw, kellu l-karozza tiegħu mwaqqfa minħabba xi nuqqas ta’ preċiżjoni fl-għoli tagħha skont ir-regolamenti. Meta s-sewwieq ma ngħatax l-opportunità li jirranġa din it-teknikalità biex jiġi skont ir-regolamenti, is-sewwieqa l-oħra; kemm dawk tat-tim tiegħu kif ukoll l-oħrajn kollha, telgħu fuq is-soqfa tal-karozzi tagħhom u b’għajta waħda sejħu li “jew kulħadd jew ħadd!” u għażlu li ma jsuqux. 

L-istess sewwieq li tkellem ma’ Talk.mt qalilna li wara dak li seħħ, jiddubita kemm din l-attività se tasal biex terġa’ tittella’ wara dak li seħħ il-Ħadd. Huwa sostna li bi prekawzjonijiet l-istess għal kulħadd setgħu ħadu siegħa pjaċir is-sewwieqa kif ukoll dawk li jattendu biex jaraw liema kellha tkun l-aħħar karozza li tibqa’ “ġġaħġaħa” sal-aħħar wara tant daqqiet.

Intant minkejja li l-Assoċjazzjoni waqqfet lis-sewwieq żagħżugħ waqt ħin l-iskrutinju minħabba raġunijiet ta’ sigurtà, huwa kkonferma magħna li hu mhux talli kien lest li jirranġa l-karozza, iżda li mexa mal-istruzzjonijiet li ngħata mill-Kumitat u f’20 minuta l-karozza tbaxxiet fuq il-molol oriġinali tagħha skont il-protokolli tal-attività.

“Tista timmaġina tim sħiħ jaħdem fuq l-istess karozza biex wara nkunu nistgħu nieħdu siegħa pjaċir flimkien, għaqda sabiħa mmens, sodisfazzjon li rnexxielna, iżda xorta waħda l-kumitat jagħżel li jurik il-bieb ta’ barra… Ovjament is-sewwieqa l-oħra ntebħu li minfloki setgħu kienu huma u b’hekk ngħaqdu minn jheddhom f’din il-protesta kontra tali deċiżjonijiet li fl-aħħar mill-aħħar ma jimxux mal-protokolli mogħtija lilna s-sewwieqa qabel l-attività”, sostna b’dispjaċir iż-żagħżugħ.

Ekonomija

Sport