Wednesday, December 17, 2025

Jitilgħu għal 120 l-għaqdiet tal-festi li se jibbenefikaw minn investiment totali ta’ €1.1m matul din is-sena

Aqra wkoll

37 organizzazzjoni volontarja li jikkontribwixxu lejn it-tradizzjonijiet tal-festi Maltin ser jibbenefikaw minn għotja ta’ fondi oħra mill-Kunsill Malti għall-Arti fl-ammont ta’ €344,000 biex b’hekk ingħaqdu mat-83 għaqda tal-festi oħra li diġà gawdew minn investiment ta’ €800,000 matul din is-sena.

Dan bis-saħħa tal-Iskema għall-Wirt Artistiku amministrata mill-Kunsill Malti għall-Arti, li toħroġ f’żewġ perjodi matul is-sena biex l-għaqdiet tal-festi jkunu jistgħu jagħżlu meta japplikaw għall-fondi skont l-aħjar esiġenzi tal-istess għaqdiet.

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar li b’hekk l-investiment totali ta’ din l-iskema għall-2025 jaqbeż il-€1.1 miljun.

L-Iskema għall-Wirt Artistiku tipprovdi appoġġ lil għaqdiet volontarji – bħall-każini tal-banda, soċjetajiet mużikali u l-fabbriki tan-nar – li huma attivi f’waħda minn tliet oqsma marbuta mal-festa: il-mużika strumentali; is-saħħa u s-sigurtà fi ħdan il-fabbriki tan-nar; u l-ħolqien jew ir-restawr ta’ dekorazzjonijiet semi-permanenti tal-festa.

L-iskema ġiet imfassla biex tissaħħaħ is-sostenibbiltà fit-tul ta’ dawn l-attivitajiet, li jiffurmaw parti essenzjali mill-wirt kulturali ta’ Malta u huma mħarsa bħala Wirt Intanġibbli tal-Umanità skont il-UNESCO.

Il-Ministru Owen Bonnici spjega kif il-festi Maltin jiddependu fuq xibka wiesa’ ta’ għaqdiet volontarji li jaħdmu fuq dak kollu li jkun hemm bżonn, mid-dekorazzjonijiet, sal-programmi mużikali u l-wirjiet tal-logħob tan-nar. Kompla li dawn jimlew il-pjazez u t-toroq bil-kuluri u l-ispirtu komunitarju li jikkaratterizzaw il-wirt kulturali tagħna.

“Ħafna minn dawn il-gruppi jaħdmu tul is-sena kollha biex jippjanaw attivitajiet marbuta mal-festa tal-lokalità tagħhom, u b’hekk jissalvagwardjaw prattiċi li ilhom jitwasslu minn ġenerazzjoni għall-oħra. Il-finanzjament mogħti permezz ta’ din is-sejħa – li tinqasam f’żewġ perjodi- jirrifletti l-bżonnijiet differenti ta’ dawn is-setturi u jgħinhom sabiex ikomplu jwettqu il-kontribut tagħhom lejn il-wirt kulturali ta’ Malta. B’hekk inkomplu nallinjaw b’mod tanġibbli mal-prinċipji imħaddna minn Viżjoni Malta 2050, l-istrateġija unifikata tal-pajjiż għall-ġejjieni,” qal Dr Bonnici.

Rita Falzon, Direttur tal-Fondi għall-Kunsill Malti għall-Arti saħqet li l-Iskema għall-Wirt Artistiku tikkonferma l-impenn li jinżamm u jissaħħaħ il-wirt artistiku u kulturali Malti, mibni fuq il-ħidma u d-dedikazzjoni ta’ mijiet ta’ voluntiera. Hija spjegat li permezz ta’ din l-iskema, l-għaqdiet kulturali qed jingħataw sostenn konkret biex ikomplu jippreservaw u jiżviluppaw il-prattiċi artistiċi tagħhom b’mod sostenibbli.

Il-finanzjament mogħti se jindirizza firxa wiesgħa ta’ bżonnijiet fil-qasam tal-mużika strumentali, l-armar semi-permanenti, u l-produzzjoni tal-logħob tan-nar. Il-proġetti ikopru oqsma bħall-edukazzjoni mużikali, il-modernizzazzjoni tal-istrutturi tal-każini tal-banda, u investimenti li jsaħħu s-sigurtà u r-reżiljenza ta’ dawn l-organizzazzjonijiet. Proġetti oħra ikopru titjib fit-taħriġ, fit-teknoloġija u fl-ambjent tax-xogħol, kif ukoll xogħol ta’ restawr u inizjattivi li jippromwovu il-kollaborazzjoni, l-iżvilupp professjonali u approċċ aktar sostenibbli lejn it-tradizzjonijiet tal-festa.

Il-lista sħiħa tal-proġetti magħżula hija disponibbli fuq https://artscouncilmalta.gov.mt/en/funding-and-grants/artistic-heritage-scheme-3/.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport