In-numru ta’ nies mejta kawża ta’ xita qliel li wasslet għal għargħar f’daqqa fit-Tramuntana tal-Pakistan tela’ għal minn tal-inqas 321. Ġie rrapportat li l-maġġoranza ta’ dawn l-imwiet, jiġifieri 307, kienu rreġistrati fil-provinċja ta’ Khyber Pakhtunkhwa. Disa’ oħra mietu f’Kashmir u ħamsa oħra fir-reġjun ta’ Gilgit-Baltistan.
Id-Dipartiment Meterjoloġiku f’dan il-pajjiż ħareġ twissija ta’ xita qliel fin-naħa tal-Majjistral tal-Pakistan u ħeġġeġ lin-nies biex jieħu l-miżuri neċessarji kollha ta’ prekawzjoni.
Il-gvern provinċjali ddikjara li l-aktar żoni milquta minn dan id-diżastru kienu dawk ta’ Buner, Bajaur, Swat, Shangla, Mansehra u Battagram. Sadanittant, l-aġenzija provinċjali għas-salvataġġ ġiet ikkwotata tgħid li madwar 2,000 ħaddiem qed jgħinu fit-tfittxijiet għal aktar persuni li għadhom nieqsa u qed iwettqu operazzjoni ta’ għajnuna f’disa’ distretti affettwati.
“Xita qliel, valangi f’diversi żoni u toroq imkissra qed joħolqu sfidi kbar biex titwassal l-għajnuna, speċjalment fit-trasport ta’ magni tqal u ambulanzi,” qal Bilal Ahmed Faizi, kelliem għall-aġenzija tas-salvataġġ ta’ Khyber Pakhtunkhwa.
“Minħabba li ħafna toroq huma magħluqa, il-ħaddiema tas-salvataġġ qed ikollhom jimxu biex iwettqu l-operazzjonijiet f’reġjuni imbiegħda. “Qed jippruvaw isalvaw aktar persuni, imma ftit nies qed jitilqu minn djarhom minħabba l-mewt ta’ qrabathom jew għeżież tagħhom li nqabdu taħt it-tifrik.”