Sunday, January 25, 2026

Jitilgħu Għawdex bil-fast ferry, jisirqu żewġ muturi u jinżlu lura Malta bil-Gozo Channel

Aqra wkoll

Żewġ ġuvintur ta’ 16-il sena li fuq ordni tal-Qorti isimhom ma jistax jixxandar, ammettew quddiem il-Maġistrat Brigitte Sultana fil-Qorti ta’ Għawdex li kienu serqu żewġ muturi elettriċi minn Għajnsielem.

Jirriżulta li ż-żewġ ġuvintur li huma magħrufa sew mal-Pulizija telgħu Għawdex bil-Fast Ferry nhar it-13 ta’ Jannar li għadda u mxew lejn Triq l-Imġarr.

Hekk kif waslu f’parkeġġ li hemm quddiem restorant serqu żewġ muturi elettriċi. Huma qabdu l-istess muturi u għall-ħabta tas-1.30pm saqu bihom lejn il-vapur tal-Gozo Channel.

Hekk kif sar ir-rapport li l-muturi kienu nsterqu mill-ewwel bdiet l-investigazzjoni fejn fost l-oħrajn ittieħed il-kameras tas-sigurtà li hemm fl-inħawi.

Il-ġuvintur intgħarfu mill-ewwel minn uffiċjali tas-CID hekk kif dawn għandhom każijiet oħrajn quddiem il-Qorti f’Malta. Il-Pulizija raw ukoll il-kameras tas-sigurtà tal-għases tal-Pulizija fejn marru jiffirmaw il-ġuvintur minħabba kundizzjonijiet imposti fuqhom mill-Qorti. Il-pulizija ndunaw li huma kienu għadhom bl-istess ħwejjeġ li bihom għamlu s-serqa.

Kien hawn li nħareġ mandatt ta’ arrest u l-ġuvintur ġew arrestati u twasslu lura Għawdex.

Quddiem il-Qorti l-imputati wieġbu ħatja bil-Maġistrat tordna li l-każ imur quddiem il-Qorti tal-minuri u anke jsir rapport mill-ħaddiema soċjali qabel tingħata s-sentenza.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Keith Xerri filwaqt li l-Avukat Jason Grima mexxa d-difiża.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport