Floriana telgħu biex jilagħbu ma’ Marsaxlokk fil-Meridianbet FA Trophy hekk kif il-poloz tar-Rawnd Preliminari u r-Rawnd tat-32 telgħu nhar l-Erbgħa.
Il-konfront bejn Floriana u Marsaxlokk kien l-uniku wieħed bejn żewġ klabbs tal-Malta Premier.
It-12-il klabb tal-Malta Premier, is-16-il tim taċ-Challenge League u l-erba’ semi-finalisti tal-BOV Amateur Cup, jiġifieri Mqabba, Qormi, Pembroke Athleta u Victoria Hotspurs flimkien mal-klabbs tal-Ewwel Diviżjoni ta’ Għawdex jieħdu sehem fl-FA Trophy.
Erbatax-il tim ġew estratti fir-Rawnd Preliminari biex l-ammont ta’ parteċipanti jitnaqqas għal 32 iżda l-klabbs tal-Malta Premier ġew esklużi mir-Rawnd Preliminari. Birkirkara, Floriana, Hamrun Spartans, Hibernians, Mosta u Sliema Wanderers kienu seeded, li jfisser li ma setgħux jiġu estratti kontra xulxin.
Il-holders Hibernians telgħu biex jilagħbu ma’ Gudja, Mosta ma’ Mqabba, Birkirkara se jkunu qed jaffaċċjaw lil SK Victoria Wanderers, Sliema Wanderers se jiltaqgħu ma’ Swieqi United, Valletta ma’ Pembroke Athleta, Tarxien Rainbows se jkunu qed jaffaċċjaw lil Għajnsielem u Naxxar Lions se jilagħbu kontra Marsa.
Hamrun Spartans se jkunu qed jiffaċċjaw lir-rebbieħ tal-konfront Għawdxi bejn Victoria Hotspurs u Xagħra United, Gzira United se jkunu qed jiffaċċjaw lil St Andrews jew Vittoriosa Stars filwaqt li Zabbar St Patrick se jkunu qed jiltaqgħu mar-rebbieħa tal-konfront bejn Melita u Xewkija Tigers.
Fil-logħbiet l-oħra mir-Rawnd tat-32, Mgarr United se jiffaċċjaw lir-rebbieħa tal-konfront bejn Zebbug Rangers u Qala Saints, Pieta’ Hotspurs jiffaċċjaw lil Mtarfa, Zurrieq jiffaċċjaw lil Kercem Ajax, Fgura United jiffaċċjaw lil Sirens jew Santa Lucia filwaqt li r-rebbieħ tal-konfront bejn Qormi jew Balzan se jiffaċċja lir-rebbieħ tal-konfront bejn Nadur Youngsters u Birzebbuga St Peter’s.
Il-logħbiet tar-Rawnd Preliminari huma skedati għas-6 u s-7 ta’ Diċembru, ir-Rawnd tat-32 għat-3 u l-4 ta’ Jannar, ir-Rawnd tas-16 għas-27-29 ta’ Jannar, il-kwarti tal-finali għat-3 u l-4 ta’ Marzu, is-semi-finali għall-4 ta’ April u l-finali għall-24 ta’ Mejju.


