Saturday, November 16, 2024

“Jitimgħu lit-tfal ikel tal-klieb biex huma jixtru d-droga”

– Chantal Avellino, waqt il-konferenza organizzata mill-Fondazzjoni OASI bit-tema tat-Tfal u l-Addiction

Aqra wkoll

Tfal ta’ 12-il sena qegħdin ikunu jafu minn fejn imorru jixtru d-droga. Hekk stqarret Dr Chantal Avellino, Psikologu Forensiku waqt li kienet qiegħda tindirizza konferenza organizzata mill-Fondazzjoni OASI bit-tema tat-Tfal u l-Addiction f’lukanda ewlenija f’Għawdex.

Avellino qalet li ħafna familji f’Malta jieħdu ħsieb lit-tfal tagħhom b’mod tajjeb u anke jedukawhom kif iġibu ruħhom fis-soċjetà. Iżda hemm riskju kbir li jistgħu jiltaqgħu ma tfal li sfortunatament ikunu ġejjin minn familji li l-ġenituri tagħhom ikunu jabbuża mid-droga u anke jkun hekk każi li l-istess ġenituri jkunu qegħdin jieħdu d-droga quddiem uliedhom.

Stqarret li jeżistu każijiet f’Malta li tfal qegħdin jispiċċaw jieħdu ħsieb il-ġenituri tagħhom waqt li jkunu taħt l-effett tad-droga. Il-Psikologu Forensiku qalet li kull familja jkollha l-problemi u dan jinħass mill-membri kollha tal-istess familja. Iżda meta jkun hemm id-droga fin-nofs dan l-impatt ikun ħafna aktar qawwi. “Ħafna drabi dawn it-tfal jispiċċaw fil-kriminalità, jispiċċaw jgħaddu minn vjolenza domestika u anke jgħaddu minn bullying,” qalet Avellino waqt konferenza li ġiet indirizza minn diversi kelliema oħrajn.

Semmiet kif meta tfal ikollhom esperjenzi negattivi fid-dar fejn trabbew, hu diffiċli ħafna biex jitkellmu dwarhom u għalhekk jista’ jkun hemm problemi ta’ saħħa mentali.

Irreferit għal studju li sar fejn ħareġ biċ-ċar li l-maġġoranza tan-nies li jidħlu fil-vizzju tad-droga qalu li kellhom torbbija diffiċli b’uħud jirrakkontaw kif meta kienu żgħar kienu jaraw lill-ġenituri tagħhom jabbużaw mid-droga. Skont din ir-riċerka, qalet Avellino li kien hemm nies li qalu li kienu jitħallew bil-ġuħ u anke kienu jieklu l-ikel tal-kelb biex il-ġenituri jixtru d-droga.

Waqt l-istess konferenza tkellem ukoll Dr Matthew Barry, Psikjatra Kliniku u lettur, li qal lli l-vizzji tad-droga u l-alkoħol huma marda fil-familja. Tkellem ukoll l-Isqof t’Għawdex Anton Teuma fejn ħeġġeġ lill-istituzzjonijiet kollha fil-pajjiż biex jgħinu aktar lill-familja.

Ekonomija

Sport