Sunday, December 22, 2024

Jitkompla x-xogħol għat-tisħiħ fis-sistema ta’ distribuzzjoni tal-elettriku, b’investiment ta’ €1.5 miljun

Aqra wkoll

Ħaddiema u tekniċi tal-Enemalta għaddejjin b’ħidma f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex biex tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku.

Wara li s-Sibt li għadda l-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli ħabbret investiment ta’ €1 miljun fl-infrastruttura elettrika fil-Baħrija, żaret xogħlijiet li qed isiru fiż-Żurrieq, b’investiment ta’ €1.5 miljun.

Fit-tliet bnadi taż-Żurrieq għaddej xogħol li għandu jitlesta fix-xhur li ġejjin fuq cable ġdid ta’ 11KV biex din il-lokalità jkollha provvista aktar stabbli għax ser tkun milħuqa miż-żewġ ċentri ta’ distribuzzjoni ta’ Ħal Far u ta’ Ħal Kirkop. Dan jinvolvi cable ġdid tal-11KV u l-bdil tal-iswitchgear f’żewġ substations oħra.

Ix-xogħlijiet fiż-Żurrieq jinkludu substation ġdida fi Triq l-Indipendenza b’investiment ta’ €250,000. Proġetti ewlenin oħra jinkludu investimenti ta’ €400,000 f’cable u substation oħra fl-inħawi ta’ Bubaqra.

Xogħlijiet oħra qed isiru fil-qasam tad-djar u fiż-żona magħrufa bħala Vincenzo Caruana fejn qed jinbidlu l-wires tal-vultaġġ baxx. Dawn il-proġetti fiż-Żurrieq qed isiru b’investiment totali li jaqbeż il-miljun ewro u nofs.

“Iż-Żurrieq huwa biss eżempju wieħed fejn dan il-programm ta’ rinfurzar tas-sistema tad-distribuzzjoni għaddej b’ritmu mgħaġġel bix-xogħlijiet qed isiru saħansitra l-Ħdud u fil-festi pubbliċi. Ta’ dan nirringrazzja lill-inġiniera, lit-tekniċi u lill-ħaddiema tal-Enemalta,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Is-Sindku taż-Żurrieq, Rita Grima, uriet apprezzament għal dan ix-xogħol u qalet li hija konvinta li b’dan l-investiment għall-familji u għan-negozji, iż-Żrieraq ser ikollhom provvista tal-elettriku aħjar.

L-inġiniera tal-Enemalta kontinwament għaddejjin bi studji taż-żoni problematiċi fost l-oħrajn minħabba infrastruttura antika li mhux qed tlaħħaq mad-domanda bla preċedent tal-lum. Filwaqt li mhux kull ħidma tkun irrappurtata fil-mezzi tax-xandir, l-Enemalta qed tagħmel bosta interventi li jinkludu kemm cables ta’ vultaġġ għoli miċ-ċentri ta’ distribuzzjoni sas-substations, tqegħid ta’ low voltage feeder/cables kif ukoll tiġdid fil-linji ta’ vultaġġ baxx li jwasslu l-provvista tal-elettriku mis-substations sad-djar u lin-negozji tal-klijenti tal-Enemalta.

Biex l-Enemalta tiżgura provvista tal-elettriku iktar stabbli, minbarra proġetti kapitali fuq tliet ċentri ta’ distribuzzjoni, qed twettaq pjan estensiv għat-tisħiħ tan-network ta’ vultaġġ baxx fost l-oħrajn fil-Qrendi, fiż-żona ta’ Ħal Mula f’Ħaż-Żebbuġ, f’erba’ żoni fil-Mosta, f’partijiet miż-Żejtun li jaffettwaw l-inħawi tas-Salvatur, tal-Ħniena, Degabriele, il-Gwiedi, Bugħarbiel u fil-Manikata.

Id-dipartiment tal-proġetti għandu xogħlijiet mibdija u oħrajn ippjanati li jibdew dalwaqt fost l-oħrajn fl-inħawi ta’ Triq Monsinjur Azzopardi fis-Siġġiewi, in-naħa tal-Qaliet f’Marsaskala, f’Vjal ir-Repubblika u fl-inħawi taż-Żagħruna f’Ħal Għargħur u tal-Mirakli fl-Iklin.

“Il-lista ta’ xogħlijiet mibdija u oħrajn ippjanati hija ferm itwal minn hekk. Dawn flimkien ma’ xogħlijiet oħrajn ta’ manutenzjoni spiss ikunu jeħtieġu sospensjoni tal-elettriku li tkun ippjanata biex ma jkunx hemm periklu għall-ħaddiema tal-Enemalta. Dawn ix-xogħlijiet huma meħtieġa biex il-klijenti tal-Enemalta jkollhom provvista tal-elettriku iktar konsistenti u stabbli. Inħeġġu lill-pubbliku jirreġistra billi jibgħat messaġġ bin-numru tal-karta tal-Identità fuq in-numru 79052492 biex jirċievi avviż għal meta jkun hemm sospensjoni tal-elettriku fit-triq tiegħu,” spjega ċ-Chairman tal-Enemalta, l-Inġ. Jonathan Scerri.

Ekonomija

Sport