Sunday, October 27, 2024

Jitkompla x-xogħol ta’ restawr fil-ġnien ta’ Sant’Anton

Aqra wkoll

Għaddej xogħol estensiv ta’ restawr fil-Ġnien ta’ Sant’Anton biex dan jirritorna għas-sbuħija oriġinali tiegħu. B’dan il-proġett, li huma mmexxi mill-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, u li fuqu qed isir xogħol mill-GreenServ u minn Ambjent Malta, se jkunu qed jitranġaw ħsarat strutturali fuq ħitan tal-konfini, pavimentar u karatteristiċi storiċi oħra bħal funtani u bankijiet, xogħlijiet li se jagħmlu dan il-ġnien storiku aktar sigur għall-familji biex ikunu jistgħu jgawdu dan il-post.

Il-ġnien, li jagħmel parti mill-Palazz ta’ Sant’Anton, kien ġie estiż mill-Gran Mastru Antoine De Paule fl-1623. Maż-żmien, il-ġnien ġarrab diversi ħsarat u kien għalhekk li tnieda dan il-proġett.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Aaron Farrugia semma li dan il-ġnien li bħalissa jitgawda mill-familji u anke mit-turisti, kellu bżonn ta’ intervent immedjat. Fil-fatt, ix-xogħlijiet mill-GreenServ diġà bdew u kif wieħed jista’ jara x-xogħol fuq il-ħitan imwaqqgħin biswit l-entratura kważi tlesta. Huwa qal li bħalissa għaddejja ħidma biex jinġiebu l-permessi meħtieġa biex tkun tista’ toħroġ sejħa għal offerti iktar tard din is-sena.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca spjega li l-interventi li se jsiru minn GreenServ ħa jikkumplimentaw il-karattru storiku u kulturali ta’ dan il-ġnien. Dawn ix-xogħlijiet se jkunu qed jikkonsistu f’riċerka u fi stħarriġ dettaljat tal-ġnien, informazzjoni dwar l-interventi strutturali li jridu jsiru, sejħiet għal offerti u l-implimentazzjoni.

Id-Direttur Ġenerali ta’ Ambjent Malta Herman Galea qal li minn Ottubru tas-sena li għaddiet, Ambjent Malta wettqet diversi xogħlijiet fil-Ġonna ta’ Sant’Anton u sal-lum investiet €175,885 fuq il-bini mill-ġdid ta’ żewġ sezzjonijiet tal-ħajt li kienu ġġarrfu, ħejjiet xogħlijiet tal-elettriku, sar titjib fil-bankijiet tal-ġebel u wettqet xogħlijiet ta’ restawr fuq il-ġebel, filwaqt li installat u rrestawrat bankijiet u bins tal-injam. Barra minn hekk, wettqet ukoll interventi fuq l-istrutturi tal-ħadid li jinsabu mad-dawra tal-funtani.

Il-landscaping tal-Ġonna ta’ Sant’Anton bħalissa qed isir permezz ta’ ftehim mal-Environmental Landscaping Consortium. 

Sport