Thursday, December 26, 2024

Jitla’ għal 25 in-numru ta’ persuni mejta fl-għargħar ta’ Kentucky

Aqra wkoll

L-għargħar devastanti li laqat lir-reġjun ta’ Appalachia fil-Lvant ta’ Kentucky s’issa ħalla minn tal-inqas 25 persuna mejtin. Dan qiegħed ikun meqjus bħala l-agħar diżastru naturali li laqat lil din iż-żona tal-Istati Uniti f’dawn l-aħħar deċennji. Kawża tal-għargħar mijiet ta’ persuni kellhom jiġu evakwati b’dgħajjes u ħelikopers. 

Il-Gvernatur ta’ Kentucky Andy Beshear qal li qiegħed jistenna li n-numru ta’ persuni mejtin jiżdied u dan hekk kif mijiet ta’ djar u anke negozji spiċċaw mgħarrqa taħt l-ilmijiet. Kien irrapportat li fost dawk mejta hemm sitt itfal, b’wieħed minnhom ta’ sena. 

Fid-dawl ta’ dan, il-President tal-Istati Uniti Joe Biden iddikjara dawn l-għargħar bħala “diżastru maġġuri” u ordna li tingħata l-għajnuna federali. Ix-xjentisti jemmnu bis-sħiħ li t-tibdil fil-klima qiegħed iwassal għal estremi­tajiet fit-temp, u dan hu dak li seħħ ġewwa Kentucky. Fi żjara li Beshear għamel fiż-żona permezz ta’ ħelikopter tal-Gwardja Nazzjonali huwa qal li dan kien l-agħar diżastru li qatt ra b’għajnejh. Huwa tenna li se tkompli għaddejja l-ħidma bla heda biex dawk irrapportati nieqsa jinstabu.

Dan l-għargħar ħalla ħsarat infrastrutturali kbar tant li hemm minn tal-inqas 33,000 persuna li jinsabu mingħajr provvista tal-elettriku filwaqt li għadd ta’ toroq jinsabu imblukkanti minħabba l-valangi ta’ tajn ikkawżati mix-xita torrenzjali. 

Ekonomija

Sport