Thursday, December 26, 2024

Jitlesta blokk ieħor fl-Iskola Sekondarja taż-Żejtun b’investiment ta’ €5 miljun

Aqra wkoll

Ġiet inawgurata uffiċjalment Blokka 4 tal-Iskola Sekondarja taż-Żejtun, parti minn proġett li qed isir b’investiment ta’ €5 miljun. L-Iskola Sekondarja taż-Żejtun ġiet estiża billi nbena sular fuq kull blokka eżistenti tal-iskola. Permezz ta’ din l-estensjoni, mifruxa fuq aktar minn 2,500 metru kwadru, żdiedu 13-il klassi normali, kif ukoll 8 laboratorji għat-tagħlim tax-xjenza, 2 klassijiet għall-home economics, u klassijiet għall-inġinerija u d-disinn. Ġew żviluppati wkoll laboratorji u workshops għal suġġetti vokazzjonali fosthom it-teknoloġija tal-informatika, l-ospitalità, il-hairdressing, il-media, u t-tessuti u l-moda.

“Dan mhux biss investiment fl-infrastruttura tal-iskola, jiġifieri estensjoni u modernizzar tal-iskola, imma huwa kunċett li jindirizza l-bżonnijiet tal-lum, u aktar minn hekk, ta’ għada. Dan qed nagħmluh biex l-istudenti tagħna mhux biss ikollhom infrastruttura adegwata, imma infrastruttura li tindirizza t-tibdiliet akkademiċi u pedagoġiċi kif ikunu qed jiżviluppaw skont il-kurrikulu”, qalet il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana filwaqt li kienet qiegħda tinawgura Blokka 4. Il-Ministru Caruana kompliet tgħid li permezz tat-tagħlim ta’ suġġetti vokazzjonali, l-istudenti se jkunu preparati aħjar għad-dinja tax-xogħol.

Apparti l-proġett ta’ estensjoni tal-iskola, dan il-proġett jinkludi wkoll l-immodernizzar komplet tal-iskola eżistenti. L-iskola qed ssir aċċessibli għall-istudenti kollha, permezz tal-bini ta’ diversi lifts fil-binja kollha.

Il-proġett sar f’fażijiet differenti. Blokok 1 u 2 tlestew fil-bidu tal-2020, filwaqt li Blokka 3 tlestiet għall-bidu tas-sena skolastika f’Settembru 2020. Blokka 4 bdiet tintuża fis-sena skolastika 2020-2021, filwaqt ix-xogħol fuq il-blokka tal-amministrazzjoni, Blokka 5, qed isir bħalissa, li jkopri l-landscaping taż-żoni miftuħin tal-iskola.

Qabel ma’ inawgurat il-blokka, żewġ studenti mill-iskola akkumpanjaw lill-Ministru Caruana u lill-Kap tal-Iskola Anna Spiteri Meilak madwar il-blokka, fejn raw it-tagħlim għaddej fil-klassijiet. Preżenti kien hemm ukoll iċ-Chairman u Kap Eżekuttiv tal-FTS Cory Greenland u Neville Young, l-Assistenti Kapijiet tal-Iskola, u s-Sindku taż-Żejtun Maria Dolores Abela.

Ekonomija

Sport