Thursday, March 28, 2024

Jitlesta l-Proġett ta’ Riabilitazzjoni tal-Infrastruttura tas-Sajd f’Għawdex

Aqra wkoll

Ix-xogħlijiet fid-dry-standing area tal-Imġarr flimkien mal-provvista ta’ karrijiet sofistikati u towing truck ammontaw għal kważi €900,000

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi ħabbru li l-proġett ta’ Riabilitazzjoni tal-Infrastruttura tas-Sajd f’Għawdex taħt il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd 2014-2020 issa huwa komplut, wara li tlestew ix-xogħlijiet kollha li kien fadal fl-Imġarr. Il-faċilitajiet il-ġodda għas-sajjieda se jservu mhux biss biex jiġu riġenerati s-siti rispettivi iżda wkoll biex jiġu offruti servizzi ġodda għas-sajjieda.

Fid-dry-standing area saret l-installazzjoni ta’ tagħmir li kien jinkludi winċ ġdid uservice pillars għax-xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq il-bastimenti li jkunu qed isiru mis-sajjieda fiż-żona, kif ukoll sistema ta’ CCTV cameras biex jissorveljaw l-istess żona. Dawn ix-xogħlijiet ammontaw għal madwar €95,000. Flimkien max-xogħlijiet relatati mad-dry-standing area, kien hemm il-provvista ta’ karrijiet sofistikati u towing truck. Dawn inġabu permezz ta’ tender separat b’valur ta’ €790,000, li jinkludi ħames karrijiet ta’ qisien differenti skont l-istandard meħtieġ sabiex jakkomodaw il-qisien tal-bastimenti kollha tas-sajd li hemm preżentament fil-port tal-Imġarr, kif ukoll towing truck biex jiġbed dawn l-istess karrijiet.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li, “Grazzi għal dan it-tagħmir, se jibda jiġi offrut servizz b’xejn lis-sajjieda kollha li għandhom l-opri tagħhom ġewwa dan il-port, fejn dawn ikunu jistgħu jtellgħu u jniżżlu fil-baħar il-bastimenti tagħhom, kif ukoll jiġu trasportati għall-boat yards madwar Għawdex skond il-ħtieġa.” Il-Ministru Camilleri ħabbar li, bil-provvista ta’ karrijiet sofistikati u towing truck flimkien max-xogħlijiet fid-dry standing area tal-Imġarr li ammontaw għal kważi €900,000, il-Proġett ta’ Riabilitazzjoni tal-Infrastruttura tas-Sajd f’Għawdex issa huwa komplut.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi spjega kif permezz ta’ dan il-proġett, li huwa ko-finanzjat b’fondi Ewropej, is-sajjieda Għawdxin se jkollhom aktar faċilitajiet li huma iżjed siguri.

Dr Zinzo Azzopardi kompla jgħid li, sabiex is-servizz tal-karrijiet u t-towing truck ikunu operati kif suppost, se jkun hemm taqsima ta’ ħaddiema li se jkunu qed iħaddmu dan it-tagħmir erbgħa u għoxrin siegħa kuljum. Dawn ingħataw taħriġ speċjalizzat sabiex dan it-tagħmir jibqa’ jinżamm f’kundizzjoni tajba hekk kif se jkun kontinwament espost għall-elementi tal-baħar.

ll-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li dan il-proġett mhux biss se jipprovdi infrastruttura ġdida u ambjent tax-xogħol aħjar, iżda iktar sigurtà għas-sajjieda Għawdxin. Il-proġett kollu, inkluż ix-xogħlijiet li saru fix-Xlendi, ilaħħaq mal-€1.2 miljun.

Ekonomija

Sport