Saturday, December 21, 2024

Jitlesta l-proġett ta’ riabilitazzjoni tal-Qortin f’Għawdex

Aqra wkoll

Tlesta l-proġett ta’ riabilitazzjoni tal-Qortin f’Għawdex – post ieħor li se jkun qed jissarraf fi spazju miftuħ għall-Għawdxin u l-pubbliku ġenerali.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca.

Dan il-proġett bidel miżbla, li għal numru twil ta’ snin kienet l-ikbar pjaga ambjentali f’Għawdex minħabba rwejjaħ u problemi oħra li jġib miegħu post bħal dan, f’post miftuħ u ta’ rikreazzjoni li jista’ jitgawda mill-familji.

F’din il-fażi tax-xogħlijiet ġew installati numru ta’ railings, xtiebi u ċnut mad-dawra sabiex il-passaġġi jkunu sikuri għall-aċċess pubbliku. Ġiet ukoll dedikata żona għal park tal-klieb li se jkun qed joffri spazju għal-logħob u l-eżerċizzju.

“B’dan il-proġett se nkunu qed nagħtu lura fi spazju aħdar mal-49,000sqm. Dan wara li  f’Wied Fulija ż-Żurrieq ġew ittrasformati mad-91,000sqm oħra fi spazju miftuħ. Il-Qortin kienet żona li għal numru twil ta’ snin fiha ġew mitfugħa mal-0.6 miljun tunnellata ta’ skart u llum reġgħet lura fl-istat naturali tagħha wara li fost oħrajn tħawlu ‘l fuq min 23,000 arbuxxell b’investiment totali ta’ €3.3 miljun. Bħala parti mix-xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni, inbena wkoll ġibjun taħt l-art biex ikun jista jinħażen l-ilma biex imbagħad jintuża għall-irrigazzjoni”, spjega l-Ministru Farrugia.

Huwa qal ukoll li dan huwa proġett ieħor li juri li dan hu gvern li jisma’. “Bħalissa għaddejjin numru ta’ progetti li l-għan tagħhom huwa li jiżdiedu iktar spazji ħodor permezz ta’ sensiela ta’ proġetti ta’ tħaddir fl-urban f’diversi lokalitajiet. Dan qed isir biex titjieb il-kwalità tal-ħajja għall-familji Maltin u Għawdxin.”

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri wera s-sodisfazzjon tiegħu li waħda mill-ġrieħi li kellu Għawdex, sit li kien iservi ta’ miżbla għal 36 sena sħaħ, issa ġie riabilitat u ngħata lura lill-pubbliku. Huwa spjega permezz tal-ħidma kollettiva ta’ diversi ministeri u b’investiment ta’ €3.3 miljun, ir-residenti f’Għawdex ser ikollhom sit alternattiv fejn jgħaddu l-ħin liberu tagħhom f’ambjent nadif u mimli ħajja. Il-Ministru għal Għawdex saħaq li dan il-proġett hu parti minn kullana ta’ proġetti ambjentali li ħadem fuqhom dan il-gvern biex f’Għawdex, l-ambjent jibqa’ jissaħħaħ u jiġi preservat.

Preżenti għal din l-okkażjoni kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca li spjega li bħalissa l-WasteServ qed taħdem biex tkompli ttejjeb l-operat u l-infrastruttura tagħha sabiex il-pajjiż ma jibqax jiddependi fuq il-miżbliet. Huwa rringrazzja lill-ħaddiema tal-WasteServ li ħadmu fuq dan il-proġett biex illum dan il-post seta’ jinfetaħ biex jitgawda mill-pubbliku filwaqt li enfasizza l-potenzjal enormi tal-proġetti ta’ tħaddir.

Ekonomija

Sport