Tlesta l-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Pjazza tal-Parroċċa fil-Mellieħa. Dan l-investiment ta’ €1.9 miljun ko- finanzjat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u Infrastructure Malta, inkluda pavimentar ġdid, sistemi tas-servizzi tal-ilma, tad-dawl u tad-drenaġġ iżjed moderni kif ukoll l-installazzjoni ta’ planters ġodda.
Dan il-proġett ġie inawgurat mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo u l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia fil-preżenza tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef, iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia, id-Direttur Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Raphael Abdilla u l-għaqdiet Melliħin.
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo rrimarka kif ir-riġenerazzjoni tal-Pjazza tal-Parroċċa tal-Mellieħa hija d-definizzjoni tal-kwalità li rridu fil-prodott turistiku ta’ pajjiżna.
“Dan huwa l-akbar investiment kapitali li sar fil-Mellieħa fis-snin reċenti. Illum għandna pjazza isbaħ, moderna u iżjed aċċessibbli għal kull min iżur din il-lokalità. Dan il-proġett jifforma parti mir-riġenerazzjoni taż-żoni turistiċi mill-istrateġija nazzjonali għat-turiżmu għall-għaxar snin li ġejjin,” kompla jgħid il-Ministru Clayton Bartolo.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia faħħar il-ħidma ta’ Infrastructure Malta f’dan il-proġett u fisser kif permezz ta’ din il-ħidma, din il-pjazza reġgħat ingħatat lura lin-nies u l-komunità tal-Mellieħa.
“Dan huwa proġett li jagħti prijorità lil dawk li jiffrekwentaw din iż-żona ta’ kuljum bil-mixi, kemm jekk residenti jew turisti u jibni perfettament fuq il-viżjoni usa’ tal-Gvern ta’ Infrastruttura għan-nies. Għamilna ċert ukoll li l- materjal li użajna biex nagħmlu x-xogħol bih ikun wieħed li jirrispetta l-wirt storiku ta’ din il-pjazza. Fiż-żmien li ġej, in-nies għandhom jistennew aktar proġetti ta’ din in-natura li jkomplu jagħtu prijorità lin-nies,” stqarr il- Ministru Farrugia.