Wednesday, February 4, 2026

Jitlesta proġett ta’ restawr ta’ €5 miljun fil-Knisja tal-Ġiżwiti

Aqra wkoll

Il-Knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt Valletta, waħda mill-aktar ġawhar importanti tal-wirt kulturali u reliġjuż Malti, reġgħet ingħatat il-ħajja permezz ta’ xogħlijiet estensivi ta’ restawr li issa ġew fi tmiemhom.

Dan is-sit storiku se jinfetaħ għall-pubbliku fi tmiem din il-ġimgħa b’quddiesa speċjali nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Frar fis-6.00 p.m., li l-pubbliku jista’ jattendi għaliha kif ukoll isegwiha live fuq TVM+.

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u Gvern Lokali Owen Bonnici qal, “Ix-xogħlijiet ta’ restawr jikkonfermaw l-impenn kontinwu biex il-patrimonju nazzjonali mhux biss jiġi ppreservat, iżda wkoll jitgawda mill-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada. L-investiment fil-qasam kulturali jirrifletti s-suċċess ekonomiku tal-pajjiż u jsaħħaħ il-memorja kollettiva u l-identità nazzjonali.”

“Il-Knisja tal-Ġiżwiti tibqa’ simbolu qawwi tal-istorja kulturali u reliġjuża ta’ Malta. Dan hu kapitlu ġdid li juri kif permezz ta’ ħidma kollettiva nistgħu nipproteġu l-passat waqt li nibnu futur li jixraq lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

Ir-Rettur tal-Knisja, ir-Reverendu Dr Nicholas Joseph Doublet qal, “Il-ftuħ mill-ġdid tal-Knisja tal-Ġiżwiti jimmarka t-tlestija tal-ewwel fażi ta’ wieħed mill-aktar proġetti ambizzjużi ta’ konservazzjoni fl-ambitu ekkleżjastika li saru f’Malta f’dawn l-aħħar snin. Dan mhux sempliċiment restawr ta’ monument storiku, iżda ħidma mmirata biex terġa’ tinkiseb il-leġibbiltà ta’ dan il-kumpless fil-qalba tal-Kapitali tagħna, bħala spazju ħaj, fejn l-arkitettura, l-arti, il-fidi u il-formazzjoni olistika jerġgħu jitkellmu b’mod koerenti. Mibni fuq riċerka serja, kollaborazzjoni interdixxiplinari u rispett lejn l-istratifikazzjoni storika, dan il-proġett jafferma mill-ġdid il-Knisja tal-Ġiżwiti bħala post li jesprimi l-identità Maltija, il-memorja kulturali tal-poplu tagħna u l-kollaborazzjoni bejn Stat u Knisja fil-ħarsien tal-wirt patrimonjali tagħna — restawrata mhux bħala mużew, imma bħala spazju sagru li kapaċi jkompli jispira, jinvolvi u jagħti spazju għat-talenti tal-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada.”

Ix-xogħlijiet inkludew restawr tal-ħitan u s-saqaf, tiswija tal-ġebel u tal-balavostri, restawr tat-twieqi, illustrar tal-art tal-irħam, modernizzazzjoni tas-sistemi elettriċi u introduzzjoni ta’ sistemi moderni ta’ sigurtà.

B’kollox ġew investiti €5 miljun minn fondi nazzjonali, li jinkludi wkoll restawr tal-Oratorji, tal-bejt, tal-koppla, tal-kappelli, tal-kampnar u tal-faċċati tal-knisja. Il-proġett ta’ restawr kien taħt ir-responsabbiltà tad-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni.

Fl-2021 twaqqfet fondazzjoni dedikata biex tieħu ħsieb dan is-sit storiku, sabiex il-knisja tibqa’ mhux biss monument, iżda spazju ħaj li jservi lill-komunità u lill-pajjiż.

Ġie rikonoxxut ukoll il-kontribut addizzjonali ta’ diversi sponsors privati, fosthom Bank of Valletta, MAPFRE Middlesea, Alfred Mizzi Foundation u Tumas Group u kif ukoll ta’ entitajiet kulturali pubbliċi, fosthom St John’s Co-Cathedral Foundation, Heritage Malta u Arts Council Malta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport