Il-Funtana ta’ Trevi ta’ Ruma, famuża fid-dinja kollha, reġgħet infetħet għall-publiku wara li tlesta restawr li kienu ilu għaddej għal tliet xhur sħaħ. Bejn 10,000 u 12,000 turist iżuru l-Funtana ta’ Trevi kuljum, iżda issa ġiet installata sistema ġdida ta’ kju biex tevita folol kbar.
Inbniet fis-Seklu 18 mill-perit Taljan Nicola Salvi fuq il-faċċata tal-Palazz Poli, il-funtana storika ta’ Trevi hija waħda mill-aktar postijiet imfittxija fil-belt Eterna.
Is-Sindku ta’ Ruma Roberto Gualtieri nhar il-Ħadd qal li l-impożizzjoni tal-limitu se jippermetti lil kulħadd igawdi aħjar il-funtana, mingħajr folol jew konfużjoni. Qal ukoll li l-awtoritajiet tal-belt kienu qed jikkunsidraw li jintroduċu ħlas tad-dħul biex jiffinanzjaw il-manutenzjoni tal-funtana.
Il-ftuħ mill-ġdid tal-Ħadd sar taħt xita ħafifa fil-preżenza ta’ diversi mijiet ta’ turisti, li ħafna minnhom segwew lis-sindku billi tefgħu munita fil-funtana.
Tul it-tliet xhur ta’ restawr, il-proġett kien jinkludi tindif u t-tneħħija tal-moffa u ċapep tal-kalċju. Il-funtana u siti ewlenin oħra tal-belt tnaddfu qabel il-ġublew tal-Knisja Kattolika Rumana li jibda lejlet il-Milied.
Il-funtana ta’ Trevi kienet ikkummissjonata mill-Papa Klement XII fl-1730. Hija l-punt tat-tmiem ta wieħed mill-akwdotti li pprovdew l-ilma lil Ruma tal-qedem.
Skont il-leġġenda, is-sors tal-ilma ġie skopert fis-sena 19 Qabel Kristu minn suldati Rumani bil-għatx li kienu diretti lejn is-sit minn verġni żagħżugħa – u għalhekk huwa msejjaħ Virgin Waters.
It-tradizzjoni li jitfgħu muniti fil-funtana saret famuża bil-kanzunetta Three Coins in the Fountain ta’ Frank Sinatra fil-film romantiku bl-istess isem tal-1954.