Sunday, December 22, 2024

Jitlesta r-restawr tal-faċċata tal-Knisja Parrokkjali tan-Naxxar

Aqra wkoll

Tlesta l-proġett ta’ restawr fuq il-faċċata, il-koppla u l-kampnari tal-Knisja Parrokkjali tan-Naxxar, proġett li sar b’investiment ta’ €155,500, li 80% minnhom kienu kofinanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropea. Il-proġett ġie inawgurat illum mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett.

Permezz ta’ dan il proġett, li għalih ikkontribwew ukoll il-parruċċani tan-Naxxar, tnaddfet il-ġebla tal-faċċata u tal-kampnari u xi wħud mill-ġebel, b’mod partikolari dak fin-naħa ta’ fuq li kellu jinbidel minħabba deterjorazzjoni tal-ġebla hekk kif kienet esposta għall-elementi naturali u t-tniġġis tal-arja. Ġew irrestawrati wkoll l-aperturi tal-injam u tal-ħadid ta’ mal-faċċata u xi wħud minnhom reġgħu saru mill-ġdid. Matul il-proċess sar ukoll xogħol intensiv fuq il-koppla minn barra sabiex ma ssirx iktar ħsara lill-ġebla u sabiex il-knisja terġa’ lura għas-sbuħija oriġinali tagħha.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi. Ritratt: Kurja

Waqt l-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi qal li matul dawn is-sentejn ta’ pandemija, il-knisja baqgħet għaddejja bil-proġetti ta’ konservazzjoni u restawr f’diversi parroċċi u knejjes. Dan għaliex il-knisja tieħu dan l-impenn b’serjetà kbira u kontinwament tħeġġeġ lill-poplu jgħożż il-patrimonju kulturali Kattoliku, li jfakkar fl-istorja reliġjuża antika u sabiħa tal-poplu Malti.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali qegħdin ninvestu erba’ miljun ewro biex jintużaw mill-Arċidjoċesi ta’ Malta sabiex twettaq proġetti ta’ restawr fuq 33 knisja f’Malta bil-għan li titwettaq konservazzjoni, u għall-protezzjoni u l-promozzjoni tal-wirt kulturali ekkleżjastiku.

“F’dan il-każ, u bħal lokalitajiet oħra, il-Kolleġjata Marija Bambina tan-Naxxar kien jistħoqqilha restawr u għalhekk il-Gvern ra kif għamel u bl-għajnuana ta’ fondi Ewropej investejna f’dan il-patrimonju mhux biss Naxxari imma wkoll patrimonju Malti”, iddikjara Chris Bonett.

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm l-Arċipriet Dun David Gauci u s-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross, li spjega kif ix-xogħol li sar fuq il-knisja tan-Naxxar jagħmel parti minn programm ta’ restawr ta’ knejjes u kappelli u konservazzjoni ta’ opri tal-arti li tnieda tliet snin ilu. Ħabbar li fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin se jiġu inawgurati aktar proġetti u l-Arċidjoċesi se toħroġ sejħiet għal offerti għall-aħħar ftit proġetti li fadal f’din l-iskeda.

Il-Knisja Parrokkjali tan-Naxxar, li hi ddedikata lil Marija Bambina, inbniet fl-1630 fuq disinn tal-Perit Tommaso Dingli.

Ekonomija

Sport