Friday, January 16, 2026

Jitlesta uffiċjalment ix-xogħol kollu fuq il-Kumpless Sportiv tal-Marsa – Investiment ieħor ta’ kwalità fl-atleti u l-futur tal-isport f’Malta

Aqra wkoll

Waqt l-inawgurazzjoni tal-ftuħ uffiċjali tat-tielet u l-aħħar fażi tal-Kumpless Sportiv fil-Marsa, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq kif dan il-Kumpless jikkonferma l-investiment kontinwu tal-Gvern fl-isport, fl-atleti u fil-futur tagħhom.

Il-Kumpless Sportiv tal-Marsa jikkonsisti fi tliet fażijiet distinti, li jinkludu l-kumpless sportiv għall-ġinnastika u sport ieħor, il-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-binja storika tal-1903, kif ukoll din l-aħħar fażi taċ-ċentru dedikat għall-Weightlifting, Squash, Netball u fitness. B’kollox, l-investiment fuq dawn it-tliet fażijiet jaqbeż is-€16-il miljun.

Dan il-kumpless sportiv jikkonsisti fi tlett sulari ta’ faċilitajiet sportivi u anċillari u joffri faċilitajiet sportivi tal-ogħla livell, kif jixraq fiż-żminijiet tal-llum. Fl-aħħar fażi tlesta investiment f’courts ġodda għall-isport tal-Isquash u tan-Netball, ċentru dedikat għall-Weightlifting, kif ukoll fitness centre ta’ livell għoli, imwettaq permezz ta’ sħubija mal-privat.

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif permezz ta’ dawn il-faċilitajiet, il-komunitajiet sportivi issa jistgħu jgawdu ambjent modern, professjonali u aċċessibbli, li jsaħħaħ it-taħriġ, il-kompetizzjoni u l-iżvilupp tal-atleti f’kull stadju tal-karriera tagħhom.

Huwa semma li investiment sportiv bħal dan se jkompli jqiegħed lil Malta fuq il-mappa dinjija tal-kompetizzjonijiet internazzjonali. Is-sena d-dieħla, Malta se tkun qed tilqa’ l-Youth Commonwealth Games, b’parteċipazzjoni ta’ 74 pajjiż differenti. Avveniment ta’ din il-portata li wasal ukoll f’pajjiżna grazzi għal dawn l-investimenti li qed inwettqu u li se jkompli jeleva l-istandards sportivi f’pajjiżna u jpoġġi lil Malta fuq il-mappa sportiva dinjija. “Dan se jkun l-akbar avveniment sportiv,” saħaq il-Prim Ministru hu u jinnota li l-faċilitajiet inawgurati se jintużaw f’dawn il-Logħob.

Dr Abela nnota kif l-investiment fil-qasam sportiv huwa parti minn viżjoni usa’, li biha l-Gvern qed ikompli jpoġġi l-isport bħala pilastru ewlieni tas-soċjetà billi jippromwovi saħħa aħjar, dixxiplina, ħidma f’tim u sens qawwi ta’ komunità. Huwa rrimarka li permezz ta’ SportMalta, il-Gvern qed jaħdem b’mod strateġiku biex joħloq infrastruttura li twieġeb għall-ħtiġijiet tal-lum kif ukoll dawk tal-ġejjieni.

Matul id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Abela għamel ukoll referenza għall-investiment li sar fil-Padiljun Sportiv u Akwatiku fir-Rabat, Għawdex, fost investimenti oħra li waslu bis-saħħa wkoll ta’ ekonomija b’saħħitha li qed twassalna biex issa nniedu l-Viżjoni Malta 2050 biex Malta titla’ l-livell li jmiss. Fil-Marsa semma wkoll il-pjanijiet tal-Gvern biex jirriġenera l-Marsa u l-inħawi tal-Port il-Kbir f’aktar investiment ta’ kwalità li se jimbotta ’l quddiem il-Gvern.

Fil-messaġġ tiegħu l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima tkellem dwar is-snin ta’ ħidma fis-settur importanti tal-isport f’pajjiżna. Huwa qal li matul is-snin riċenti kien hemm u se jkompli jkun hemm investiment kbir li permezz tiegħu pajjiżna qed jagħmel qabża ta’ kwalità fis-settur. Ħidma mhux biss fit-twettiq ta’ proġetti infrastrutturali, imma wkoll fl-għajnuna li qed tingħata lill-assoċjazzjonijiet, għaqdiet u klabbs sportivi, anke fl-għajnuna finanzjarja diretta lill-atleti u l-isportivi. “L-infrastruttura ġdida u l-faċilitajiet mtejba qed jagħtu opportunitajiet aħjar għall-atleti li jħejju għal-logħob kompetittiv u għall-formazzjoni sportiva tagħhom. Din il-ħidma qed twassal biex pajjiżna qed dejjem aktar isir ċentru fejn nilqgħu avvenimenti sportivi ta’ kalibru internazzjonali, apparti li qed nagħtu faċilitajiet mill-aqwa lill-atleti u sportivi u lill-poplu kollu”, qal il-Ministru Grima.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar saħaq kif SportMalta biddlet il-faċilitajiet sportivi tal-Marsa, li qabel kienu fi stat ħażin, f’kumplessi sportivi ta’ livell għoli li jaqdu lill-assoċjazzjonijiet, lill-klabbs, jospitaw avvenimenti internazzjonali, kif ukoll l-isport u l-attività fiżika għall-komunità inġenerali.

Matul iċ-ċerimonja saret ukoll diskussjoni bejn tliet atleti li jirrappreżentaw dixxiplini differenti, fejn l-atleti qasmu l-esperjenza tagħhom dwar l-importanza ta’ faċilitajiet moderni, il-preparazzjoni għall-kompetizzjoni u r-rwol tal-isport fil-ħajja taż-żgħażagħ. Fid-diskussjoni ħadu sehem atleti mill-isport tal-iSquash, in-Netball u l-Weightlifting, li enfasizzaw kif dawn l-investimenti qed jagħtu opportunitajiet ġodda lill-atleti Maltin biex jikkompetu b’suċċess fuq livell internazzjonali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport