Thursday, September 4, 2025

Jitlesta x-xogħol fil-grawnd ta’ Ħal Kirkop li wassal għal wiċċ ġdid tat-turf

Aqra wkoll

Hekk kif ftit tal-ġimgħat oħra, eluf ta’ tfal jerġgħu jirritornaw għal staġun ieħor ta’ taħriġ tal-futbol, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, fix-xhur tas-sajf, issokta b’numru ta’ xogħlijiet f’numru ta’ nurseries tal-futbol u grawnds madwar Malta.

Matul din il-ġimgħa, f’attività li mmarkat it-tmiem tas-Summer Camp organizzat min-nursery ta’ Ħal Kirkop, is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia żar il-faċilitajiet ta’ din l-istess nursery fejn seta’ jara x-xogħlijiet li saru u li wasslu għall-wiċċ ġdid tat-turf fil-grawnd.

Akkumpanjat mill-President tan-nursery Edward Mizzi u l-kumplament tal-kumitat, is-Segretarju Parlamentari Farrugia seta’ jara x’fissru x-xogħlijiet li saru mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, kemm għall-klabb kif ukoll għat-tfal li matul din l-attività bdew igawdu minn dan l-investiment.

Ix-xogħol kien jinkludi l-qlugħ tat-turf l-antik, manutenzjoni meħtieġa fil-livelli tal-art, sabiex finalment, ġie mpoġġi l-wiċċ ġdid, grazzi għall-fondi b’kollaborazzjoni mill-Gvern Ċentrali u l-Malta Football Association (MFA).

Is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia enfasizza kif permezz tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed ikomplu jassistu lill-għaqdiet volontarji, fosthom l-għaqdiet sportivi li huma parti importanti fit-tfassil tal-futur tat-tfal.

Is-Sindku ta’ Ħal Kirkop Matthew Agius Zammit wera s-sodisfazzjon tiegħu li bis-saħħa tal-ħidma li saret mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi l-komunità u t-tfal Koppin issa ser ikollhom faċilità ta’ livell ogħla.

Il-President tan-Nursery ta’ Ħal Kirkop Edward Mizzi, filwaqt li rringrazzja lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, enfasizza kif l-għajnuna u l-investiment li qiegħed isir itaffi mill-ispiża minn fuq kull nursery li qiegħda ssib lill-Public Works ta’ spalla. “Din it-tip ta’ għajnuna imprezzabbli tgħin lin-nursery jiffukaw aktar biex jimmassimizzaw l-iskop tagħhom fuq it-tfal.”

Fost in-nurseries u l-lokalitajiet li matul ix-xahar tas-sajf ibbenefikaw jew qegħdin jibbenefikaw mix-xogħlijiet tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi hemm is-Siġġiewi, Birżebbuġa, l-Imqabba, Ħal Qormi, Ħal Għaxaq, Ħal Luqa, iż-Żurrieq, Santa Luċija, il-Mosta, Ħad Dingli, u Ħaż-Żabbar, fost oħrajn.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport