Saturday, December 21, 2024

Jitlesta x-xogħol fuq l-għassa ta’ Marsalforn b’investiment ta’ €130,000

Aqra wkoll

Tlesta x-xogħol ta’ tisbiħ fuq l-għassa ta’ Marsalforn. B’investiment ta’ €130,000, din l-għassa nbidlet minn waħda mitluqa ftit tax-xhur ilu għal waħda moderna li tilqa’ b’mod aħjar lil dawk li jkun jeħtieġ jużawha, speċjalment tul ix-xhur tas-sajf. 

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri żaru l-post u esprimew sodisfazzjon għal kif ix-xogħol li sar jikkumplimenta wkoll investiment li riċentament sar fiż-żona turistika li hi frekwentata wkoll minn eluf ta’ persuni. 

Il-Ministru Byron Camilleri spjega li din l-għassa se tkun aċċessibbli għal kollox għal persuni bi bżonnijiet speċjali tant li anke kien installat lift għal dan l-għan. Xogħlijiet oħra li saru fil-binja jinkludu titjib fl-infrastruttura u anke investiment fit-teknoloġija.

Żied jgħid li filwaqt li l-viżjoni tal-gvern hija ta’ iktar pulizija fit-triq, l-investiment fl-għases mhux se jieqaf, bil-Korp tal-Pulizija qed jistħarreġ kif jista’ juża aħjar dawn il-proprjetajiet. “Il-viżjoni tagħna hi dik ta’ iktar pulizija fit-toroq u qrib iċ-ċittadin. Però, fejn għandna għases miftuħa dawn iridu jkunu ta’ livell li jixraq. Dan il-gvern huwa impenjat bis-sħiħ li jinvesti fis-sigurtà tal-pajjiż. Fil-fatt dan l-investiment huwa parti minn sensiela ta’ proġetti oħra,” qal il-Ministru Byron Camilleri li nnota kif fil-Baġit 2021 ssemmew proġetti oħra f’għases importanti.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li dan il-proġett ifisser titjib fl-ambjent fejn jaħdmu dawn il-pulizija. Spjega li l-proġetti ma jfissrux biss infrastruttura tat-toroq imma wkoll rinnovar u manutenzjoni f’binjiet li jagħtu servizz lill-poplu. Dan juri li permezz tal-investimenti infrastrutturali l-gvern ikun qed jinvesti wkoll fin-nies li jaħdmu għall-ġid tal-poplu tagħna. Huwa temm billi rringrazzja lill-Ministru Byron Camilleri li fil-pjan ta’ immodernizzar tal-għases tal-pulizija qed jagħti importanza wkoll lill-għases f’Għawdex biex dawk ukoll ikunu aktar siguri.

Ekonomija

Sport