Jitlesta x-xogħol ta’ restawr fuq ħitan tas-sejjieħ fil-lokalità tal-Iklin.
Waqt żjara fuq il-post, is-Sindku tal-Iklin Dorian Sciberras saħaq fuq l-importanza u l-funzjonijiet ambjentali li jaqdu dawn l-istrutturi tal-ġebel fl-għelieqi u r-raba’.
Semma kif l-għan prinċipali tagħhom huwa l-konservazzjoni tal-ħamrija fl-għelieqi, sabiex il-ħamrija ma tinġarrx u tintilef mal-ilma tax-xita. Spjega wkoll kif fil-ħitan tas-sejjieħ tgħix ukoll ekosistema sħiħa, għalhekk huwa ferm importanti li ma jitneħħiex ġebel u ma jsir l-ebda vandaliżmu fuq dawn il-ħitan.
Dan ir-restawr qed isir permezz ta’ investiment ta’ ftit aktar minn €140,000 fejn 20% tal-fondi ġew iffinanzjati mill-Gvern Lokali, filwaqt li 80% tal-fondi ġew iffinanzjati minn fondi Ewropej taħt il-fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvillupp Rurali.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli żaret dan ix-xogħol ta’ restawr u tenniet fuq l-importanza li nippreservaw l-wirt storiku u ambjentali ta’ pajjiżna.
Ir-restawr u r-rikostruzzjoni fuq il-ħitan tas-sejjieħ saru fi Sqaq in-Namur, Sqaq Giarda, parti minn Triq il-Għargħur u Triq Richard Taylor, fl-Iklin.