Friday, December 20, 2024

Jitlesta x-xogħol ta’ rinovazzjoni fuq seba’ pitturi fl-Oratorju tal-Madonna tal-Karità

Aqra wkoll

Il-Konfraternità tal-Madonna tal-Karità, eretta fil-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu tal-Belt Valletta inawgurat proġett ta’ restawr fuq sett ta’ seba’ pitturi li jinsabu fl-Oratorju tal-istess Konfraternità. L-inawgurazzjoni tal-proġett sar nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Mejju mill-Arċisqof Charles Scicluna, fl-okkażjoni tal-festa tal-Madonna tal-Karità li ġiet iċċelebrata iktar kmieni b’quddiesa solenni fil-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu immexxija mill-Arċisqof Scicluna.

Is-seba’ kwadri li ġew irrestawrati mid-ditta PrevArti, jikkonsistu f’sitt kwadri ta’ Giuseppe d’Arena li jinsabu mwaħħlin mal-ħitan tal-Oratorju u t-titular tal-Oratorju li jġib il-ġrajja tat-Tieġ ta’ Kana.

F’kelmtejn tal-okkażjoni, l-Arċisqof Charles Jude Scicluna qal li l-Knisja f’Malta hi impenjata li tħares il-patrimonju artistiku u reliġjuż li ħallewlna missirijietna u li kien espressjoni ta’ fidi ħajja. Hu saħaq fuq ir-responsabbiltà tagħna llum li napprezzaw u nieħdu ħsieb il-patrimonju straordinarju li għandna u ngħadduh lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna sabiex ikunu jistgħu jagħrfu u jgħożżu s-sbuħija tal-identità tagħna l-Maltin.

Il-Gvernatur is-Sur Alfred Paul Farrugia qal li minn meta twaqqfet fl-1610, il-Konfraternità qatt ma waqfet taqdi l-għan ewlieni li jagħtiha isimha, jiġifieri li tghin lil min hu fil-bżonn u jeħtieġ l- għajnuna. “Il-Konfraternità llum għadha attiva fil-kamp tad-Djakonija billi tgħin familji direttament, inkella permezz ta’ għaqdiet u soċjetajiet li jagħtu servizz umanitarju” innota l-Gvernatur.

L-Arċipriet tal-Kolleġjata ta’ San Pawl Nawfragu Kan. David J. Cilia feraħ lill-Konfraternità tal- Karità u l-membri tagħha għat-twettieq ta’ dan il-proġett. “Filwaqt li d-dover li nibżgħu għall-wirt kulturali u artistiku tal-knejjes tagħna huwa wieħed indiskutibbli, ninnota b’sodisfazzjon li l- Konfraternità twettaq xogħol kbir ieħor sabiex tkompli tgħin permezz ta’ opri ta’ karità lil dawk li l- iktar jeħtieġu l-għajnuna, fil-parroċċa tagħna u lil hinn” qal l-Arċipriet Cilia.

Waqt l-istess ċerimonja, l-Arċisqof ġie ppreżentat ukoll b’kopja ta’ inventarju ġdid li għadu kemm ġie konkluż wara proċess metikoluż mid-ditta Curatorial Studio, li fih jiġbor il-proprjetà kollha mobbli u immobbli tal-Konfraternità.

Il-proġett tar-restawr sewa €45,000, u kellu sostenn finanzjarju parzjali mill-APS Bank.

Tagħrif dwar il-pitturi

Il-kwadru titulari tal-Oratorju jirraffigura l-ġrajja tat-Tieġ ta’ Kana. Dan il-kwadru ġie mpitter minn Stefano Erardi. Madanakollu, jidher li maż-żmien dan il-kwadru ġie rtukkat severament minħabba danni li ġarrab matul iż-żminijiet u għalhekk l-istil oriġinali ġie, b’mod estensiv, alterat.

Ta’ importanza artistika kbira huma s-sitt kwadri tal-ġnub, xogħol l-imgħallem Giuseppe D’Arena (c. 1633-1719), aljiev ta’ Mattia Preti. Is-suġġetti f’dawn il-kwadri juru ħames episodji mill-Antik

2 ta’ Ġunju 2022

Testment u parabbola ta’ Kristu magħżula apposta biex jirrappreżentaw sitt opri ta’ karità. Fuq ix-xellug minn fuq l-artal lejn il-bieb prinċipali nsibu: l-Armla ta’ Sarefta tagħti l-ħobż lill-Profeta Elija; Ġuda l-Makabew jidfen il-mejtin; is-Sultan Eżekija mfejjaq mill-Profeta Iżaija. Fuq il-lemin hemm Danjel jinterpreta l-ħolma lill-Nebuchadnezzar, l-Iben il-Ħali milqugħ u mlibbes minn missieru; u Abram jilqa f’dahru tlett anġli fejn jistedinhom biex jieklu u jixorbu miegħu. Dawn il- kwadri saru fil-bidu tas-seklu tmintax. Fihom naraw id tajba speċjalment fl-immudellar tal-figuri u indipendenza mill-istil Pretjan fejn juri ċar illi D’Arena kien ifforma stil uniku. Influwenza partikolari hija dik tal-pittur Ruman, Guercino (1591-1666), speċjalment f’Ġuda l-Makabew jidfen il-mejtin fejn il-figura huma meħuda direttament mill-kwadru tal-Guercino intitolat ‘id-difna ta’ Santa Petronilla’ li jinsab fil-mużewijiet Kapitolini f’Ruma.

L-Oratorju tal-Madonna tal-Karità nbena ftit wara t-twaqqif tal-Konfraternità tal-Karità fi ħdan il- Knisja ta’ San Pawl Nawfragu f’Mejju 1611.

Ekonomija

Sport