Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett żar Ġnien Raymond Caruana ġewwa l-Gudja wara li tlesta xogħol estensiv ta’ tisbiħ u rinnovazzjoni.
Dawn ix-xogħlijiet twettqu mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u fost oħrajn, kienu jinkludu landscaping u tħawwil ta’ pjanti ġodda madwar il-ġnien, refurbishment tal-gazebos, installazzjoni ta’ bankijiet ġodda u kumditajiet oħra, sistema ta’ kameras tas-sigurtà, dawl modern kif ukoll pavimentar ġdid li jikkumplimenta l-ambjent taż-żona. Sar ukoll xogħol ta’ tiswija fuq il-funtana ta’ dan il-ġnien, bl-installazzjoni ta’ sistema mekkanika ġdida. B’hekk dan l-ispazju miftuħ ġie mġedded biex ikompli jservi ta’ pulmun aħdar fil-qalba ta’ din il-lokalità u spazju rikreattiv għall-komunità kollha.
Il-Ministru Chris Bonett spjega kif dan il-proġett huwa parti mill-impenn tal-Gvern biex ikompli jinvesti fi spazji miftuħa għall-ġid tal-familji u l-komunitajiet. Huwa qal, “Għalkemm ix-xogħol kien estensiv u ħa numru ta’ xhur biex tlesta, ir-riżultat finali huwa ġnien modern u sabiħ fejn il-familji jistgħu jqattgħu l-ħin liberu tagħhom flimkien u fejn it-tfal jistgħu jilgħabu f’ambjent sigur u addattat.”
Il-Ministru Bonett temm jgħid, “Dawn l-interventi kif ukoll proġetti oħra li għaddejjin minn diversi entitajiet tal-Ministeru, huma parti mill-ħidma tal-Gvern li nagħtu spazji miftuħa isbaħ lura lin-nies.”
Min-naħa tiegħu, is-Sindku tal-Gudja Romeo Baldacchino qal li proġetti bħal dawn huma frott tal-kollaborazzjoni mill-qrib bejn il-Gvern u l-Kunsilli Lokali. Huwa spjega kif dan il-proġett isaħħaħ u jġedded l-identità ta’ dan l-ispazju biex jirrifletti l-ħtiġijiet tal-lum.



