Tuesday, December 16, 2025

Jitlestew l-ewwel żewġ toroq residenzjali ġodda mill-100 Triq Residenzjali fi Tliet Snin imwegħdin għal Għawdex

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar li tlestew l-ewwel żewġ toroq residenzjali ġodda f’Għawdex li huma parti mill-proġett tal-100 Triq Residenzjali Ġdida fit-Tliet Snin li Ġejjin li kienu mwegħdin għal Għawdex fil-Budget li għadu kif tressaq għas-sena 2026. It-toroq residenzjali li tlestew il-ġimgħa li għaddiet huma Triq Xagħman, Ta’ Sannat u Triq Xandriku, in-Nadur.

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri stqarr li l-ħidma fuq il-100 triq residenzjali ġdida bdiet minnufih billi saru diskussjonijiet ma’ diversi Kunsilli sabiex kienu huma stess li identifikaw it-toroq li kellhom bżonn isiru. Fil-fatt, ftit jiem wara li tressaq il-Budget għas-sena d-dieħla bdew jitwettqu l-miżuri tiegħu b’rabta mat-toroq f’Għawdex fost l-oħrajn.

Il-Ministru Camilleri spjega kif, “Triq Xagħman f’Ta’ Sannat, issa saret mill-ġdid, triq mimlija proprjetajiet residenzjali li se jkunu qegħdin igawdu minn wiċċ ġdid ta’ tarmak u servizzi kollha mgħoddijin. Triq wara triq, fil-qalba tar-residenzi tagħna se nkunu qegħdin nagħmluhom mill-ġdid għall-benefiċċju tar-residenti u dawk kollha li jżuruna. Fi Triq Xandriku, il-korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma bidlet il-mainijiet u nbidlu wkoll s-servizzi tad-drenaġġ sabiex imbagħad tajna l-aħħar passata ta’ tarmak ġdid f’din it-triq residenzjali. Ser inkomplu naħdmu flimkien ma’ diversi aġenziji tal-Gvern, flimkien ukoll mal-Kunsilli tagħna biex mhux biss nagħtu servizzi aħjar, iżda wkoll, nagħtu uċuh aħjar fiż-żoni residenzjali tagħna.”

Iż-żewġ Sindki tal-lokalitajiet rispettivi rringrazzjaw lill-Ministru Clint Camilleri tal-ħidma sfiqa sabiex ir-residenti u dawk kollha li jżuru Għawdex ikomplu jingħataw toroq siguri u ta’ livell li jixraq lill-gżira Għawdxija.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport