Saturday, November 16, 2024

Jitlestew xogħlijiet importanti mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fl-Istitut tas-Sorijiet tan-Nigret fiż-Żurrieq

Aqra wkoll

Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi lesta xogħlijiet importanti ta’ manutenzjoni fl-Istitut tas-Sorijiet ta’ Santa Tereża fin-Nigret, iż-Żurrieq. Xogħlijiet li għall-istess komunità tas-sorijiet u tal-benefiċjarji tagħha huma meqjusin importanti ħafna.

Waqt żjara, is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia saħaq li dawn ix-xogħlijiet jikkonfermaw l-impenn tal-gvern li jkompli jkun ta’ spalla għal din il-faxxa soċjali li b’vokazzjoni twettaq xogħol importanti fis-soċjetà Maltija.

“Ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni li saru fl-istitut huma ta’ importanza kbira fuq diversi aspetti. Mill-aspett soċjali, dawn ix-xogħlijiet ser ikomplu jiżguraw li s-servizz soċjali lill-komunità, li jwettqu s-sorijiet f’dan l-istitut, jibqa’ jkun wieħed sostenibbli,” spjega s-Segretarju Parlamentari Farrugia. Hu żied jgħid li x-xogħlijiet li twettqu jsaħħu l-aspetti tas-saħħa u tas-sigurtà għal dawk li jgħixu f’dan l-istitut kif ukoll għal dawk li jibbenifikaw mill-ħidma vokazzjonali tas-sorijiet.

Ix-xogħlijiet li saru fl-istitut huma parti minn kullana ta’ xogħlijiet li qegħdin isiru f’binjiet oħrajn li huma ta’ preġju għall-wirt kulturali Malti. Fost dawn, is-Segretarju Parlamentari Farrugia semma r-restawr tal-kampnar tal-Knisja ta’ San Mark fir-Rabat, Malta, il-proġett taz-zuntier tal-Knisja ta’ San Nikola fis-Siġġiewi li jinsab fi stadju avvanzat u x-xogħlijiet ta’ pavimentar u sistema ta’ dawl artistiku ġdid fuq l-Arka ta’ De Rohan f’Ħaż-Żebbuġ, li se jkunu qed jitlestew fil-ġimgħat li ġejjin.

L-Arċipriet taż-Żurrieq Dun Daniel Cardona ddeskriva dawn ix-xogħlijiet bħala ta’ sostenn kbir għall-komunità tas-sorijiet u għat-tfal li jgħixu f’dan l-istitut, kif ukoll għall-komunità taż-żona magħrufa bħala tan-Nigret.

Matul iż-żjara tiegħu, is-segretarju parlamentari kien akkumpanjat mis-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima.

Ekonomija

Sport