Tlestew xogħlijiet ta’ rinnovar fiż-żona tal-bandli fi Ġnien Santa Margerita f’Bormla li twettqu mill-Kunsill Lokali ta’ Bormla, permezz ta’ fondi mill-Iskema ta’ Finanzjament ta’ Proġetti Kapitali – Aċċessibilità u Mobilità maħruġa mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali. Ix-xogħlijiet saru b’investiment ta’ aktar minn €90,000 u kienu jinkludu rinnovazzjoni ġenerali taż-żona, tħawwil ta’ pjanti u arbuxelli, kif ukoll installazzjoni ta’ bandli ġdid.
Fi żjara li għamlet is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, akkumpanjata mis-Sindku ta’ Bormla, Marco Agius, intqal kif il-Kunsill Lokali ta’ Bormla bbenefika minn €200,000 ta’ fondi minn din l-istess skema u permezz tagħhom twettqu xogħlijiet fi Ġnien Santa Margerita, fi Ġnien ieħor fi Triq San Ġwann u se jiġu installati fanali ġodda f’Daħlet Tlett Ibliet.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li dawn ix-xogħlijiet għandhom l-għan li jkomplu jsebbħu lil din il-lokalità u fl-istess waqt ir-residenti se jkollhom aktar spazji miftuħa fejn iqattgħu ħin ta’ kwalità li jallinja wkoll mal-Viżjoni Malta 2050.
“Il-Gvern kommess li jkompli jinvesti bla preċedenti fil-Kottonera, u għalhekk inizjattivi bħal dawn, mill-Kunsill Lokali, jikkumplimentaw il-ħidma tal-Gvern f’din in-naħa ta’ Malta. Minkejja li l-finanzjament ta’ dawn il-proġetti saru permezz ta’ skema tal-gvern ċentrali, il-proġetti tħallew kompletament f’idejn il-Kunsill Lokali, għaliex ħadd ħlief il-Kunsill Lokali ma jaf il-prijoritajiet u l-ħtiġijiet tal-lokalità,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku ta’ Bormla, Marco Agius irringrazzja lid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali tal-appoġġ finanzjarju f’dan il-proġett u kif ukoll fiż-żewġ proġetti l-oħra li saru mill-istess skema. Huwa sostna li din l-iskema qed tgħin lill-Kunsilli Lokali sabiex ikomplu jsebbħu l-lokalitajiet. Is-Sindku temm jgħid li permezz ta’ dawn l-iskemi l-kunsilli lokali jkunu jistgħu iwettqu proġetti ġodda mingħajr ma jirrikorru għall-fondi mill-allokazzjoni prinċipali tagħhom.