Ballun enormi tal-metall spiċċa fuq bajja fil-Ġappun fejn wara li qajjem spekulazzjonijiet kbar dwar minn fejn seta’ ġie, l-awtoritajiet qalu li dan tneħa.
Filmati li qed iduru fuq il-midja juru makkinarju kbir jerfa’ l-ballun minħabba t-toqol tiegħu.
L-awtoritajiet tal-belt Ġappuniża Hamamatsu qalu li dan se jitpoġġa f’post sigur biex isiru aktar investigazzjonijiet fuqu.
Iżda l-poplu Ġappuniż jinsab imħasseb ferm minħabba li l-awtoritajiet ma qalux dan xi jkun jew aħjar kif spiċċa fuq din il-bajja.
Il-pulizija u anke uffiċjali ta’ kontra l-isplussivi marru fuq il-post biex jinvestigaw dan l-oġġett li qatt ħadd ma ra bħalu. L-awtoritajiet qalu li qabel tneħħa ttieħdu x-rays tiegħu u ħareġ ċar li dan hu xi ħaġa sigura u jista’ jinteħħa minn fuq il-bajja.
“Naħseb kulħadd fil-belt ta’ Hamamatsu kien imħasseb u kurjuż b’dan il-ballun li spiċċa fuq il-bajja. Iżda min-naħa tagħna ninsabu sodisfatti li dan tneħħa,” qal uffiċjal Ġappuniż lill-midja lokali.
Enġiniera li tkellem mal-midja qalu li huma jemmnu li dan hu baga kbira li nħadmet barra mill-pajjiż u nġarret mal-kurrent.