Thursday, April 25, 2024

Jitnieda dokument għall-konsultazzjoni pubblika dwar il-Fond Soċjali Ewropew Plus

Aqra wkoll

B’allokazzjoni mingħajr preċedent ta’ €2.27 biljun li Malta rnexxielha tikseb mill-Unjoni Ewropea, grazzi għall-Qafas Multi-Annwali Finanzjarju (MFF) se jsir investiment sostanzjali fir-riżorsi umani tal-pajjiż. B’budget totali f’inizjattivi u investimenti li se jlaħħaq il-€193 miljun, permezz tal-Programm tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (ESF+), se jiġu indirizzati l-isfidi u l-ħtiġijiet tal-pajjiż, inkluż dawk li ġabet magħha l-pandemija tal-Covid-19.

L-għan ewlieni hu li nsaħħu l-oqsma tal-impjiegi, is-saħħa u l-edukazzjoni, u sabiex gruppi vulnerabbli jkollhom l-għajnuna meħtieġa biex itejbu s-sitwazzjoni tagħhom.

L-erba’ prijoritajiet tal-programm propost tal-ESF+ għal Malta u l-infiq propost dwarhom huma li:

  1. Jissaħħu l-opportunitajiet tax-xogħol u r-reżiljenza tas-suq tax-xogħol – €57 miljun
  2. It-trawwim ta’ inklużjoni attiva għal kulħadd – €53 miljun
  3. Edukazzjoni ta’ kwalità u inklussiva, u tisħiħ fit-tagħlim tul il-ħajja (lifelong learning) – €77 miljun
  4. Tiġi indirizzata r-realtà ta’ persuni mċaħħda minn affarijiet materjali – €5 miljuni

Se jkun hemm ukoll allokazzjoni ta’ €1 miljun għat-tisħiħ tal-operat tal-imsieħba soċjali. Dan bl-għan li jkompli jissaħħaħ id-djalogu soċjali fit-tfassil tal-politika nazzjonali.

Waqt it-tnedija tad-dokument għall-konsultazzjoni pubblika, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi tkellem dwar dawn il-miri ewlenin ta’ dan il-programm fejn is-servizzi mogħtija se jiġu adattati għall-ħtiġijiet ġodda li ninsabu fihom u l-isfidi li għandu quddiemu l-pajjiż f’dan il-qasam. Qed jiġi propost li jissaħħu l-opportunitajiet tax-xogħol u r-reżiljenza tas-suq tax-xogħol; it-trawwim ta’ inklużjoni attiva għal kulħadd; edukazzjoni ta’ kwalità u inklussiva, u tisħiħ fit-tagħlim tul il-ħajja, kif ukoll li tiġi indirizzata r-realtà ta’ persuni mċaħħda minn affarijiet materjali.

Fost l-inizjattivi proposti, hemm dik li jkun estiż il-programm ‘One tablet per child’ sabiex ngħaddu l-għodda lill-istudenti f’livell sekondarju biex jieħdu l-opportunitajiet li se tkun qed toffrilhom id-dinja tax-xogħol fl-era diġitali. Qed jiġu proposti wkoll inizjattivi oħrajn li jindirizzaw il-ħtiġijiet tat-tfal.

Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi stqarr li Malta se taħdem biex issostni miżuri li jintegraw liż-żgħażagħ fid-dinja tax-xogħol sabiex insaħħu l-kapaċitajiet tal-forza tax-xogħol Maltija. B’hekk, il-ħaddiema jkunu mħejjija għall-impjiegi li jinħolqu permezz tal-Green Deal u l-Istrateġija Diġitali Ewropea. Interventi oħra proposti jippromwovu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-bilanċ bejn is-sessi f’dan il-qasam.  

Permezz ta’ dan il-programm ta’ fondi qed ikunu proposti miżuri li jiffaċilitaw l-integrazzjoni soċjo-ekonomika tal-ħaddiema barranin f’Malta, permezz ta’ inizjattivi ta’ appoġġ lil entitajiet pubbliċi u organizzazzjonijiet volontarji.

Is-Segretarju Parlamentari żied jgħid li jridu jiġu antiċipati aħjar il-bidliet fil-ħiliet meħtieġa skont dak li jkun qed jitlob is-suq tax-xogħol filwaqt li tiġi promossa wkoll il-mobbiltà professjonali, b’hekk nibqgħu dejjem kompetittivi fuq skala internazzjonali. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, qed ikun propost li allokazzjoni mill-Fond ESF+ tiffoka fuq it-tagħlim tul il-ħajja, kif ukoll li jingħataw opportunitajiet ta’ upskilling u reskilling għal kulħadd. Fost dawn l-inizjattivi, hemm proposti għotjiet għal scholarships f’diversi oqsma.

Finalment, b’nefqa ta’ €5 miljun mill-ESF+, qed ikun propost li tiġi indirizzata r-realtà ta’ persuni mċaħħda minn affarijiet materjali, permezz ta’ assistenza fil-provvista tal-ikel u affarijiet oħrajn bażiċi. Il-proposti jikkumplimentaw miżuri nazzjonali li diġà qed jittieħdu, fosthom dawk li jtejbu l-benefiċċji mhux kontributorji fosthom l-allowances tal-carers, il-pensjonijiet tad-diżabilità u l-għajnuna lill-persuni diżabbli.

Id-dokument għall-konsultazzjoni pubblika jipproponi li mill-inqas 10% mill-allokazzjoni għal Malta mill-Fond Soċjali Ewropew Plus tkun iddedikata għal inizjattivi u investimenti fil-gżira Għawdxija.

Id-dokument għall-konsultazzjoni pubblika jinsab fuq is-sit elettroniku www.eufunds.gov.mt, filwaqt li l-kummenti u suġġerimenti dwaru jistgħu jintbagħtu sat-30 ta’ Awwissu 2021, permezz tal-posta elettronika fuq [email protected] jew bil-posta lid-Direttur Ġenerali, Diviżjoni ta’ Strateġija u Implimentazzjoni, Taqsima Fondi Ewropej, 32, House of Catalunya, Triq Marsamxett, il-Belt Valletta.

Sport