Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, nedew il-Culture Pass għas-sena 2024 flimkien mad-Direttorat għall-Kultura, il-Kunsill Malti għall-Arti u l-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni.
Il-Culture Pass hija skema maħsuba biex tipprovdi esperjenzi kulturali u artistiċi professjonali tal-ogħla kwalità lill-istudenti mill-kindergarten sal-iskejjel postsekondarji, kif ukoll lill-Istituzzjonijiet Edukattivi li jipprovdu edukazzjoni sal-Livell MQF 4. B’hekk jiżdied il-valur tal-edukazzjoni kulturali bħala suġġett kurrikulari filwaqt li jintlaqtu wkoll temi transkurrikulari. L-iskema tgħin ukoll lill-prattikanti kreattivi joħolqu u jiżviluppaw xogħol ġdid għal udjenzi żgħażagħ, filwaqt li jżidu l-kapaċità tal-ipprogrammar fuq perjodi itwal bl-iskop li jingħaqdu dixxiplini artistiċi u mhux artistiċi mal-kurrikulu tal-istudenti.
Il-Ministru Owen Bonnici stqarr li l-Culture Pass hija eżempju ieħor ta’ kif il-Gvern qed ipoġġi investiment sod fis-setturi artistiċi u kulturali ta’ pajjiżna. “Qed nerġgħu nniedu l-Culture Pass għas-sena skolastika li għadha kemm bdiet, sabiex inħeġġu l-istudenti jipparteċipaw fl-arti u l-kreattività. Għal din is-sena skolastika hemm irrakkomandat 47 proġett. Dan il-Gvern dejjem insista fuq l-importanza li ninkludu proġetti u attivitajiet kulturali u kreattivi bħala parti mill-proċessi edukattivi tagħna. Billi ninvestu f’esperjenzi bħal dawk ipprovduti mill-Culture Pass, qed nippromwovu l-potenzjal sħiħ tal-arti meta tiġi abbinata b’mod kreattiv mal-edukazzjoni, ” qal il-Ministru Bonnici.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clifton Grima saħaq li matul is-snin din l-inizjattiva tat u qed tkompli tagħti aċċess għall-kultura Maltija b’mod artistiku li jwassal għal tagħlim informali fl-edukazzjoni ta’ pajjiżna. “Irridu nrawmu liż-żgħar tagħna biex mhux biss japprezzaw il-kultura, imma wkoll inħeġġuhom ħalli nnisslu fihom l-apprezzament għall-espressjoni artistika, u b’hekk jiżdied il-potenzjal kreattiv tal-istudenti. Permezz ta’ dawn l-attivitajiet kulturali qed ngħinu lil uliedna jagħrfu li l-edukazzjoni mhix biss dik li tingħata fil-klassi, imma li l-edukazzjoni tmur lil hinn mill-kurrikulu u hija mezz kif student jesplora wkoll il-ħiliet tiegħu. Din hija l-edukazzjoni sħiħa li rridu nkomplu nagħtu lill-istudenti tagħna fil-perkors edukattiv li tgħinhom ukoll fil-mixja tal-karriera tagħhom,” qal il-Ministru Clifton Grima.
Mary Ann Cauchi, Direttur Fondi u Strateġija fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, qalet li l-Kunsill qiegħed ikompli jagħti prijorità lill-edukazzjoni fl-arti u permezz ta’ kollaborazzjonijiet ma’ artisti qed jitwessa’ l-esponiment taż-żgħażagħ għall-arti. Kompliet li t-tnedija tal-Culture Pass għal darb’oħra tkompli tirrikonoxxi l-edukazzjoni kulturali u artistika fil-livelli kollha, filwaqt li tkompli tiżgura parteċipazzjoni artistika aċċessibbli.
Alex Farrugia, Direttur tal-Kultura, qal kif is-suċċess tal-Culture Pass jidher mill-fatt li ta’ kull sena qed jiżdiedu kemm in-numru ta’ produtturi, kif ukoll in-numru ta’ produzzjonijiet u l-interess li qed jiġġenera dan il-programm, tant li kull sena qegħdin jilħqu dejjem aktar tfal u żgħażagħ.
Il-Culture Pass 2024 jikkumplimenta l-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali, filwaqt li jżid il-valur tal-edukazzjoni fl-arti u suġġetti oħra kurrikulari. Mit-tnedija tiegħu huwa stmat li għexieren t’eluf ta’ studenti bbenefikaw mill-programm tal-Culture Pass. Għal aktar informazzjoni żur www.artscouncilmalta.mt.