Saturday, August 9, 2025

Jitnieda l-Karnival tas-Sajf 2025 b’attivitajiet mill-isbaħ f’Buġibba u Marsaskala

Aqra wkoll

Tnieda uffiċjalment il-Karnival tas-Sajf li sar appuntament annwali għall-familji Maltin u Għawdxin, kif ukoll għat-turisti li jkunu qed iżuru pajjiżna. L-edizzjoni ta’ din is-sena ser isseħħ bejn il-Ġimgħa 22 ta’ Awwissu u l-Ħadd l-24 ta’ Awwissu f’Buġibba u Marsaskala b’għadd ta’ attivitajiet għall-familja kollha.

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici stqarr, “Il-Karnival tas-Sajf huwa okkażjoni importanti fejn il-poplu Malti jista’ japprezza l-kreattività, l-identità u t-tradizzjonijiet ta’ pajjiżna. B’sodisfazzjon ninnota li din is-sena hemm l-akbar numru ta’ karrijiet li se jieħdu sehem. Attivitajiet bħal dawn ikomplu jsaħħu t-tradizzjonijiet Maltin u jirriflettu l-valuri kulturali tagħna.”

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li l-Karnival tas-Sajf issa daħal fil-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna. Hija rringrazzjat lil Festivals Malta, u lill-Kunsilli Lokali ta’ Marsaskala u San Pawl il-Baħar li dejjem qed ikabbru din l-attività u jżommu din it-tradizzjoni ħajja. Hija fakkret kif ftit tax-xhur ilu ġiet mnedija skema oħra finanzjarja għall-attivitajiet tal-Karnival u sostniet li l-Gvern jibqa’ kommess li joffri l-appoġġ lid-dilettanti tal-Karnival u lill-Kunsilli lokali sabiex ikomplu jżommu ħajja din it-tradizzjoni anke fis-sajf.

Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta Aaron Zahra stqarr li, “Il-Karnival tas-Sajf juri kif Festivals Malta qed tikkommetti ruħha biex toħloq pjattaforma oħra b’kollaborazzjoni ma’ diversi entitajiet sabiex it-tradizzjoni tal-karnival tilħaq aktar nies. Minbarra l-udjenzi lokali, din l-attività hija opportunità għat-turisti li jżuru l-Gżejjer Maltin fis-sajf biex jesperjenzaw il-Karnival fuq skala iżgħar.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius żied jgħid li, “Attivitajiet bħal dawn apparti li jkomplu juru l-abbiltajiet tan-nies li jiddedikaw ħinhom u ħajjiethom lejn il-Karnival, huma importanti sabiex il-poplu jkompli japprezza t-talent vast li ġġib din it-tradizzjoni”.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur Artistiku tal-Karnival Jason Busuttil stqarr li, “Din is-sena għandna rekord ta’ karrijiet li se jieħdu sehem, inkluż tliet karrijiet minn Għawdex li flimkien mal-parteċipanti Maltin se jallegraw lil kull min se jattendi. Se jingħaqdu wkoll bosta kumpaniji taż-żfin b’kostumi sajfin. Nistieden lil kulħadd jingħaqad magħna għal din il-festa sajfija kkulurita.”

Aktar  informazzjoni fuq l-attivitajiet tal-Karnival tas-Sajf tista’ tinstab fuq is-sit www.festivals.mt/karnivalsajf jew fuq il-paġni soċjali tal-Karnival ta’ Malta.

Il-Karnival tas-Sajf huwa organizzat minn Festivals Malta b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u ta’ Marsaskala, bis-sapport tal-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, u megħjun minn GSD Ltd. Il-Karnival tas-Sajf f’Buġibba wkoll qed isir bl-appoġġ tad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport