Waqt attività fl-iskola medja San Nikola fir-Rabat, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, flimkien mal-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Estonja u l-Filandja, Kenneth Vella, nieda l-ktejjeb Diplomazija għat-Tfal.
Matul din l-attività, inqraw siltiet minn dan il-ktejjeb li fih laqta ta’ storja, ġeografija u fatti interessanti oħra dwar l-ispettru diplomatiku. It-tfal setgħu jifhmu aħjar kif taħdem ambaxxata, l-irwol tal-ambaxxatur, x’inhi strateġija diplomatika, konsulat u ħafna aktar. Waqt li kien qed jieħu xi mistoqsijiet mingħand it-tfal, il-Ministru Ian Borg sostna li dan il-ktieb huwa wieħed tal-ewwel xorta tiegħu li qed jagħti ħarsa lejn id-dinja diplomatika mil-lenti tat-tfal. “Grazzi għall-Ambaxxatur Vella, għall-ewwel darba qed naraw li t-tfal qabel jagħżlu suġġetti li se jifformaw il-bażi tal-istudji tagħhom għas-snin li ġejjin, qed nuruhom x’toffri l-karriera ta’ diplomazija.”, kompla jgħid Dr Borg.
Il-Ministru Ian Borg tenna kif li tkun rappreżentant ta’ pajjiżek barra minn xtutna u anke tifforma l-politika barranija ta’ pajjiżek huwa ta’ unur u jemmen li għandna bżonn aktar żgħażagħ li jersqu lejn din il-karriera. Intqal kif bl-iżviluppi demokratiċi li rajna fl-aħħar snin, pereżempju bl-introduzzjoni tal-VOT16, iż-żgħażagħ qed ikollhom aktar sehem fl-iżviluppi tal-politika u b’hekk bħala gvern jemmen bi sħiħ li uliedna għandhom opportunità jkomplu jfasslu t-triq ’il quddiem għal pajjiżna.
Min-naħa tiegħu, l-Ambaxxatur Vella li huwa wkoll l-awtur ta’ dan il-ktejjeb irringrazzja lill-Ministru Borg u lis-Segretarju Permanenti Christopher Cutajar li emmnu minnufih f’din l-inizjattiva u tawh l-opportunità jinseġ flimkien iż-żewġ professjonijiet li jipprattika, dik edukattiva u dik diplomatika. Hu qal ukoll li dan il-ktieb jikkumplimenta anke temi diskussi f’suġġetti oħra u ħeġġeġ ukoll lit-tfal biex ma jaqtgħux qalbhom milli jibdew karriera fid-diplomazija u li jkunu b’hekk ta’ servizz għal pajjiżna.
Dan il-ktieb jinkludi wkoll tagħrif dwar l-ittra tal-kredenzjali, kif twieldet id-diplomazija fid-dinja, l-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Magħquda u informazzjoni oħra ta’ kurżità u interess bħal liema kienet l-ewwel ambaxxata li fetħet Malta barra minn xtutna, Napuljun Bonaparte u r-relazzjoni tiegħu ma’ Palazzo Parisio li jinsab il-Belt Valletta, l-ambaxxati ta’ pajjiżi barranin li hawn fostna u r-relazzjoni bejn Malta u pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea.