Saturday, October 5, 2024

Jitnieda l-Padiljun taċ-Ċina fl-ewwel biennale tal-arti f’Malta

Aqra wkoll

Nhar il-Ġimgħa, 15 ta’ Marzu, tnieda uffiċjalment il-Padiljun taċ-Ċina fl-ewwel biennale tal-arti f’Malta fil-Forti Sant’Iermu, il-Belt. Mifrux fuq żewġ swali interkonnessi, il-Padiljun taċ-Ċina qed jesebixxi aktar minn 100 biċċa xogħol artistika tal-artist Ċiniż kontemporanju Yan Shanchun li kien ispirat mill-West Lake, destinazzjoni popolari turistika fil-belt ta’ Hangzhou, iċ-Ċina. Din il-wirja ser tibqa’ għaddejja sal-31 ta’ Mejju.

Il-wirja bit-tema ‘Tracing’ qed tittella’ miċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta b’kollaborazzjoni ma’ Shenzhen International Cultural Exchange Association u Shenzhen Municipal Bureau of Culture, Radio, Television, Tourism and Sports, bl-appoġġ tal-Ambaxxata taċ-Ċina f’Malta.

Meta indirizza ċ-ċerimonja tat-tnedija, l-Ambaxxatur Ċiniż għal Malta, Yu Dunhai qal illi għalkemm Forti Sant’Iermu oriġina bħala magna tal-gwerra, issa kien qed iservi bħala post għal wirjiet kulturali. Filwaqt li l-gwerra teqred, il-kultura tibni, u għalhekk, l-għażla ta’ dan is-sit hija sinifikanti ħafna. Huwa semma’ l-Inizjattiva taċ-Ċiviltà Globali tal-President Ċiniż Xi Jinping li tgħid li ċiviltajiet u nazzjonijiet differenti għandhom jgħixu f’armonija filwaqt li jikkomunikaw u jiżviluppaw flimkien. Huwa awgura li din il-wirja sservi ta’ pont biex tissaħħaħ ir-rabta bejn il-popli taċ-Ċina u Malta.

Il-President ta’ maltabiennale.art u Chairman ta’ Heritage Malta, Mario Cutajar stqarr li kien hemm ħafna ħsieb wara l-kunċett ta’ dan il-biennale. Infatti t-tema tal-’baħar abjad imsaġar taż-żebbuġ’ tirrappreżenta l-pożizzjoni ġeografika strateġika ta’ Malta fil-Baħar Mediterran li tagħżilha bħala l-aħjar post biex jiġu diskussi l-esperjenzi ta’ nazzjonijiet u popli differenti, filwaqt li l-imsaġar taż-żebbuġ jissimbolizzaw it-tama għall-paċi fid-dinja. Huwa żvela li dan il-biennale għandu sens ferm aktar profond mill-arti għall-fini tal-arti nnifisha peress li għandu l-għan li jindirizza kwistjonijiet kontemporanji f’ambjent storiku.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Dr Owen Bonnici tkellem dwar ir-relazzjoni straordinarja bejn Malta u ċ-Ċina. Filwaqt li kkwota qawl Ċiniż li jgħid li meta wieħed ikun qed jixrob minn bir, irid jiftakar min bena dak il-bir, huwa fakkar fl-ewwel żewġ mexxejja kbar ta’ Malta u ċ-Ċina li bdew din il-ħbiberija dejjiema bejn iż-żewġ popli, lura fl-1972. Huwa osserva kif kienet proprju l-kultura li ntagħżlet bħala l-ewwel mezz biex tgħaqqad iż-żewġ popli, meta twaqqaf iċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta. Filwaqt li ddedika din it-tnedija liż-żewġ inġiniera Ċiniżi li tilfu ħajjithom waqt il-bini tar-Red China Dock fl-1975, huwa stqarr li dan il-biennale ma hux biss opportunità biex jissaħħu dawn ir-relazzjonijiet bilaterali iżda wkoll mezz biex il-popli tal-Mediterran jifhmu, jaraw u jisimgħu x’jixtieq jgħid l-artist Ċiniż bix-xogħolijiet tiegħu.

Id-Direttur ta’ Shenzen Contemporary Art and Urban Planning Museum u l-Kuratur tal-Padiljun taċ-Ċina, Yan Weixin iddikjara li Malta hija rikonoxxuta bħala waħda mill-aktar pajjiżi fid-dinja li jħaddnu storja għanja ferm. Bħal ħafna bliet storiċi fiċ-Ċina, Malta tilqa’ kemm memorji ta’ traċċi storiċi kif ukoll spazji urbani moderni, li kienu kontinwament dokumentati u arrikkiti permezz ta’ kitba u immaġnijiet minn żminijiet antiki. Il-wirja tal-arti ‘Tracing’ għandha tirrevedi s-siti – ix-xhieda tal-istorja – permezz ta’ lenti retrospettiva.

L-artist Ċiniż Yan Shanchun twieled u trabba f’Hangzhou, belt magħrufa sew għal West Lake u għall-fatt li ssemmiet fil-kitbiet storiċi ta’ Marco Polo. Wara li għex għal aktar minn għoxrin sena qrib il-West lake, l-artist ħassu profondament ispirat minnha. Jgħum f’ilmijietha kull sajf u jiskejzja fuq il-wiċċ iffriżat tagħha kull xitwa, huwa sar jaf kull għolja, kull blata, kull ħaxixa, u kull siġra fl-inħawi. Eventwalment, it-temperatura staġjonali tal-lag, l-umdità u r-riħa tal-veġetazzjoni saru parti permanenti minn ġismu u mill-memorja tiegħu. L-irkupru tal-memorja kien it-tema tax-xogħol tiegħu fl-aħħar deċennji. Huwa jittama li permezz tax-xogħolijiet artistiċi murija f’din il-wirja, il-viżitaturi jkunu jistgħu jħossu r-relazzjoni intima tiegħu man-natura.

Il-kritiku tal-arti u ħabib tal-artist, Dr John Tancock spjega fid-dettall il-vjaġġ artistiku ta’ Yan Shanchun tul is-snin. Huwa żvela li l-ewwel laqgħa tiegħu max-xogħol tal-artist kienet rivelazzjoni għalih. Maż-żmien huwa affaxxina ruħu bil-mod kif dan l-artist irnexxielu jintegra l-materjali u t-tekniki mill-affreski tal-Punent mal-linka Ċiniża. Huwa stqarr li l-kombinazzjoni tat-teknika tradizzjonali tal-istampar tal-Punent u d-disinn tradizzjonali tal-album li qed tiġi ppreżentata f’din il-wirja għandha toffri esperjenza unika lill-viżitaturi.

Filwaqt li stiednet lill-pubbliku jżur din il-wirja, id-Direttur taċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta, Yuan Yuan qalet li tittama li l-Padiljun taċ-Ċina jservi bħala pjattaforma oħra biex jinfetaħ djalogu ġdid bejn l-artisti Ċiniżi u sħabhom minn Malta u minn madwar id-dinja.

Sport