Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri nieda l-programm Springtime in Gozo 2026, programm varjat u mifrux fuq aktar minn ħames ġimgħat fi żmien ir-rebbiegħa, bejn l-10 ta’ April u l-14 ta’ Ġunju.
Il-Ministru Camilleri qal li permezz ta’ dan il-programm, qed jiġi assigurat li l-isbaħ aspetti ta’ Għawdex, matul dan il-perjodu favorit għal ħafna, jitgawdew aktar. Springtime in Gozo jġib flimkien lir-residenti u lill-viżitaturi f’ċelebrazzjoni awtentika. Huwa kompla jgħid li “Għawdex illum m’għadux destinazzjoni staġjonali biss. Is-suċċess turistiku qed ikompli jkun inkoraġġanti u b’saħħtu, fatt li jikkonferma l-attrazzjoni tal-gżira matul is-sena kollha, kemm għat-turiżmu intern kif ukoll għal dak estern. Għawdex huwa gżira vibranti fejn il-kultura għandha rwol prominenti fil-prodott turistiku tagħna, u r-rebbiegħa hija ż-żmien meta dan jispikka bl-aktar mod ċar.”
Il-programm ta’ din is-sena jkompli jibni fuq dawk preċedenti, billi jgħaqqad il-fidi, il-wirt storiku, il-kreattività u esperjenzi għall-familja kollha: minn mużika sagra sa teatru u opra, u minn fieri komunitarji u logħob tan-nar sa bosta attivitajiet oħrajn.
Fost l-avvenimenti ewlenin hemm RockAstra, Leone Goes Jubilee, Sqaqien, Resurrexit, Lux Tenebrae, il-Festival tal-Logħob tan-Nar fin-Nadur, il-Festivals tal-Gastronomija u taċ-Ċikkulata, Qalb il-Frawli, l-attività Science in the Citadel, ċelebrazzjonijiet tal-inbid bħal Est! Est! Est! u Bis-Saħħa, kif ukoll l-Infjorata Internazzjonali ta’ Għawdex, flimkien ma’ bosta attivitajiet oħra.
Il-Ministru Clint Camilleri temm billi ħeġġeġ lill-pubbliku biex matul dan iż-żmien jesplora l-irħula, igawdi l-gastronomija lokali, jiskopri l-artisti u t-talenti lokali, u jesperjenza dak kollu li jagħmel lil Għawdex uniku.

